Għal ħafna żmien Paul Buttigieg, il-Kunsillier Laburista tal-Qala, seta’ ħassu mholli waħdu jimbotta ‘l quddiem il-kampanja kontra l-qerda ta’ l-isbaħ bajja f’Għawdex, Ħondoq ir-Rummien. Peroħaġa ta’ l-iskantament, aktar ma beda jsib xkiel ma' wiċċu Pawlu kien beda aktar iżid fid-determinazzjoni tiegħu, anki meta dan l-ixkiel beda ġej minn nies li tant kien qed jistenna appoġġ minnhom. U fejn ħaddieħor seta faċli jaqta' qalbu, Pawlu beda aktar iżid fil-kuraġġ li jippersisti sa l-aħħar.
Niftakar konna flimkien Brussel għal żjara politika qasira, u fil-ftit jiem li għamilna hemm irranġa, bl-għajnuna ta’ dak li llum hu l-mexxej ġdid laburista, laqgħa ma' l-istaff ewlieni tal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent u ppreżentalhom ruxxmata dokumenti dwar il-każ. Niftakar li tant kien sodisfatt bih innifsu dakinhar li stajt nara f’għajnejh li ftit kienu dawk l-okkazzjonijiet l-oħra f’ħajtu, apparti episodji ta’ natura personali u familjari, li tawh sodisfazzjon daqshekk.
Erġajt ftakart f’Pawlu din il-ġimgħa meta waqt il-programm Dissett Joseph Muscat esprima ruħu totalment kontra l-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien. U stajt, nilmaħ mingħajr ma kien quddiemi, wiċċ Pawlu sodisfatt hekk kif dlonk intebaħ li m’għadux aktar leħen solitarju fid-deżert.
No comments:
Post a Comment