Il-Ħadd, 19 ta’ Ottubru 2008

$71-il Barmil

Fl-aħħar erba’ ħames xhur ma kienitx tgħaddi ġurnata waħda li ma konniex niġu mfakkra li l-isplużjoni ‘il fuq tal-prezz taż-żejt donnu ma jista jżommha ħadd. Tgħidx kemm stagħġibt meta l-prezz qorob lejn il-$100 dollaru-il barmil. Imbagħad $110 qalulna. Imbagħad qabeż il-$120. U kompla sejjer sakemm saħansitra tela’ sa $147. Kuljum jaġġornawna bil-prezz il-ġdid. U magħhom iżidulna l-aġġornamenti tal-prezz dejjem jogħla tal-petrol u d-diesel għall-konsumatur, kif ukoll it-tariffi aġġornati tas-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.


F’dawn l-aħħar ħmistax-il ġurnata l-prezz taż-żejt beda jaqa kuljum. U issa barmil żejt qiegħed jinbiegħ għall-prezz ta’ $71. Jiġifieri waqa b’aktar min-nofs. Imma ħaġa ta’ l-iskantament l-aġġornamenti li kienu qed jagħtuna meta l-prezz kien qed jisplodi ‘l fuq issa xxuttaw. Bħal donnu li hi aħbar li l-prezz qed jogħla, imma mhix aħbar meta dan jibda jorħos.

Huwa aktar ta’ l-iskantament il-fatt li meta tara l-aħbarijiet fuq stazzjonijiet barranin ssib li l-prezz tal-petrol u d-diesel għall-konsumatur qiegħed jirrifletti r-roħs li hemm fis-suq, imbagħad f’Malta dan mhux talli mhux qed jiġri talli l-prezzijiet baqgħu għoljin daqs li kieku l-prezz taż-żejt għadu $147 il-barmil.


Naħseb li bħala konsumaturi jimmeritana spjegazzjoni. X’inhi r-raġuni li l-konsumatur Malti m’huwiex trattat bħal dak Ingliż, Taljan, Franċiż u Ġermaniż?

Ħaddiema Żejda

Dan l-aħħar il-Ministru Austin Gatt qalilna li L-Enemalta għandha magħha ħafna ħaddiema żejda. Mhix xi ħaġa ġdida. Smajniha kemm-il darba. U f’diversi intrapriżi li kellu sehem jew għad għandu sehem fihom il-Gvern.


Li jiskantani hu kif kull politiku jiġi quddiemna bla mistħija ta’ xejn u jippretendi li jimpressjonana li qed jagħmel xogħlu għax sempliċiment jiddikjara li hemm in-nies żejda. Sa fejn naf jien ħadd ma jaqbad u jimpjega lilu nnifsu. L-ebda ħaddiem m’għandu l-poter li jdaħħal lilu nnifsu f’xi intrapriża hi liema hi. Xi ħadd dawn in-nies impjegahom hu. U wara 21 sena fil-Gvern il-PN żgur ma għadx fadallu l-iskuża li dawn impjegahom il-Gvern ta’ qablu. F’21 sena daħlu skoss nies oħra huma. U dan barra l-bambin biss jaf kemm mietu nies u oħrajn spiċċaw bl-eta’.

Jiġifieri, f’kelma waħda, huma l-politiċi l-aktar nies responsabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawn. U probabli l-istejjer li nstemgħu ta’ ingaġġi ta’ nies bl-addoċċ fil-Freeport u fl-M.I.A. xi ftit verita’ fihom hemm ukoll. U tara xejn xi darba għad jitfaċċa xi Ministru ċdid jitkaża bin-nies żejda f’dawn l-ażjendi.

Ivvintat mill-Ġdid

Meta kollox beda jindika li l-Prim Ministru Ingliż Gordon Brown u l-Gvern li jmexxi beda t-triq 'l isfel, u meta ma seta xejn jiġi tajjeb għal Brown tant li Cameron, il-Kap tal-Konservattivi Ingliżi, beda jidfnu fil-popolarita’, faqqet din il-kriżi finanzjarja u Gordon Brown ivvinta mill-ġdid lilu nnifsu. Hekk hi l-politika. Ġimgħa tista tkun tfisser ħafna. Ġimgħa taf tibdel kollox.

Fil-fatt Gordon Brown, mgħejjun mill-fatt li kien wieħed mill-aħjar Chancellor of the Exchequer li qatt kellu r-Renju Unit, kif faqqet din il-kriżi bankarja dinjija ħa f’idejh ir-rwol ta’ mexxej ewlieni u nistgħu ngħidu li qed jispikka fuq il-mexxejja kollha ta’ l-Ewropa u lil hinn minnha. Mix-xejn trasforma ruħu bħala World Leader. U kriżi bħal din spiċċa dawwarha favurih. Min ħaseb li Brown kien midfun u lest mar imqarraq u f’mument fejn il-kriżi tidher li mhux se tkun waħda qasira kollox jindika li dan il-mument popolari għalih personli se jitwal. Ħafna ċittadini tar-Renju Unit qed jaraw fih il-bniedem perfett fil-mument li għaddejja minnu d-dinja. Dan meta sa ftit tal-ġimgħat ilu l-pożizzjoni tiegħu kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala mexxej tal-Partit Laburista Ingliż kienet meqjusa kif jgħidu l-Ingliżi in the balance.

Sadanittant nidħak nara l-aħbarijiet f’Malta u nisma lill-Prim Ministru tagħna jgħid li pajjiżna huwa l-uniku pajjiż li ma ġiex affettwat b’din il-kriżi. Jgħid li l-affarijiet f’pajjiżna huma tajbin. U jgħid ukoll li dan grazzi għall-fatt li llum aħna membri ta’ l-U.E. u ż-żona ewro. Grazzi wkoll jgħid għas-sistemi tajbin li għandna u l-politika ġusta li biha jimxi l-Gvern tiegħu. Jgħid li kieku ma kienx hekk kien jiġrilna bħall-Islanda. Issa sa fejn naf jien Franza, l-Italja, il-Belġju, u l-Ġermanja, fost oħrajn, huma wkoll membri ta’ l-U.E. u jinsabu fiż-żona ewro… u intlaqtu waħda sew. Imma li jbellahni f’dan kollu hu li la darba aħna daqshekk tajbin, u la darba bħalna m’hawnx, kif il-mexxejja tad-dinja ma bagħtux għalina ħalli nsolvu l-problemi kollha tad-dinja? Jaħasra għadhom ma jafux bina!!

Il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru 2008

Biden VS Palin

- Artiklu miktub fl-01 ta' Ottubru 2008 -

Bdejt nikteb dan l-artiklu l-bieraħ fl-4.30 ta’ filgħodu appena spiċċa l-uniku dibattitu televiżiv bejn iż-żewġ sfidanti għall-kariga ta’ Viċi President ta’ l-Istati Uniti, Joe Biden u Sarah Palin. Bħalissa bis-sehem ta’ numru ta’ anilisti politiċi Amerikani se jibda programm li janalizza il-wirjiet tat-tnejn fl-imsemmi dibattitu. Nixtieq insegwih, imma jekk nagħmel dan l-Editur jibqa' mingħajr il-kolonna tiegħi.

Bla dubju ta’ xejn dan kien l-aktar dibattitu bejn il-kontendenti għal Viċi President li qatt qajjem interess pubbliku. L-istennija għalih kienet waħda tremenda. Kien pronostikat li dan id-dibattitu kellu jattira miljuni ta’ telespettaturi Amerikani, probabbilment jeċċedu fin-numru anki dawk li segwew l-ewwel dibattitu bejn Obama u McCain. Naturalment magħhom trid iżżid miljuni oħra minn madwar il-globu. Fl-opinjoni tiegħi ż-żewġ kontendenti irreaġixxew b’mod mill-aktar onorabbli għal din l-aspettattiva għaliex irregalawlna dibattitu mill-aqwa. Ngħid għalija ma jiddispjaċini xejn li kelli mbakkar daqshekk kmieni.

Intant, kieku kellu jaqa’ fuqi l-kompitu li niddikjara r-rebbieħ ta’ dan id-dibattitu, minkejja li Biden mar xi ftit aħjar, insibha ftit diffiċli biex nasal biex niddikjara lil Palin telliefa. Pero ma nsibha xejn diffiċli biex nidentifika l-akbar tellief. Anzi mhux tellief, imma telliefa. Fl-opinjoni l-akbar telliefa minn dan id-dibattitu kienu John McCain u l-Partit Repubblikan

Sarah Palin daħlet għal dan id-dibattitu tbati minn perċezzjoni pubblika xettika dwar il-kapaċitajiet tagħha u dwar in-nuqqas ta’ esperjenza tagħha f’dan il-livell. Ħafna bdew ipinġuha li mhix ta’ materjal biżżejjed. Appellabbli kemm trid, imma inkapaċi.. Daħlet għal dan id-dibattitu b’kompitu diffiċli li tgħolli r-reputazzjoni tagħha. Il-prestazzjoni tagħha għenet mhux ftit il-kawża tagħha. F’dan ir-rigward rebħet. U mhux naqra. Mill-banda l-oħra pero, biex setgħet tagħmel dak li għamlet, issagrifikat il-missjoni primarja li wieħed jistenna f’dibattitu bħal dan mill-kontendent għal Viċi. Ċioe’ dik li jattakka lill-kandidat presidenzjali tal-partit oppost u jiddefendi lill-kandidat presidenzjali tal-partit tiegħu.

Minn naħa tiegħu Joe Biden, tattikament rebaħ dan id-dibattitu għaliex filwaqt li ma fixkel xejn lil Palin mill-missjoni personali tagħha, tant li ma attakkaha fl-ebda ħin, immartella lil McCain, lil Bush, u lil Cheney, b’abbilta’ kbira imma b’manjiera mill-aktar prudenti, mirquma, u pulita. Il-vera ġurdien xiħ.

Palin rebħet l-isfida personali tagħha, imma Biden rebaħ punti prezzjużi għad-Demokratiċi.

Domino Finanzjarju

- Artiklu miktub fl-01 ta' Ottubru 2008 -

Il-kollass tas-sistema finanzjarja Amerikana, li bħad-dominoes istituzzjoni finanzjarja qed twaqqa’ lill-oħra, ġabet konsegwenzi globali li ma jistax ikun li ma jaffettwawx lilna wkoll.


Bdejna s-sena l-oħra bin-Northern Rock fir-Renju Unit. Segwew ftit tal-ġimghat ilu l-ażjendi Freddie Mac u Fanny Mae fl-Istati Uniti. Ġranet wara d-domino heżżet lil Lehman Brothers. Imbagħad il-kumpanija ta’ l-Assikurazzjoni A.I.G. ġimgha ilu smajna bil-Washington Mutual fl-Istati Uniti u Bradford and Bigley fir-Renju Unit. U din il-ġimgha smajna bil-bank Franko-Belġjan Dexia.

L-Amministrazzjoni Bush ipproponiet pjan ta’ salvazzjoni li se jiswa lil min iħallas it-taxxa s-somma ta’ $700 Biljun. Somma li tfisser kwart ta’ l-ispiża annwali li s-soltu jkollu l-Gvern Amerikan. Spiża li se jġorr il-poplu biex jagħmel tajjeb għall-iżbalji li saru fil-privat. Madankollu, li kieku l-Gvern ma jintervjenix, il-konsegwenzi jkunu devastanti aktar.

It-tagħlima minn dan kollu hi waħda. Is-sistema kapitalista, meqjusa minn kulħadd li hi l-aktar waħda li rnexxiet, mhix perfetta jekk ma tkunx regolata. U jekk tfalli twassal għal kollass devastanti. Li jwassalni għall-ħsieb finali. F’sistema kapitalista hija dagħwa li l-Istat jinterferi….imma dan m’għandu qatt jiġi interpretat li l-Istat m’għandux jintervjeni. Il-mekkaniżmi regolatorji issa hu ppruvat li ma kienux biżżejjed.

Appoġġ mill-Istudenti

- Artiklu miktub fl-01 ta' Ottubru 2008 -

Laqatni ħafna appell li għamel lill-istudenti l-President ta’ l-MUT is-Sur John Bencini kmieni din il-ġimgħa.

Is-sur Bencini, meta kien qed jitkellem dwar il-kwistjoni li l-unjin tiegħu kellha mal-Gvern dwar l-istaff akkademiku ta’ l-Universita’, ġie rrappurtat li qal hekk: “Nappellaw biex l-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istudenti jagħtu appoġġ ċar lill-istaff akkademiku f’din il-kwistjoni.”

Interessanti. Interessanti ħafna. U interessanti aktar il-fatt li Bencini ħass li tali appoġġ kellu jitkarrab għalih. U la tkarrab għalih ifisser li ma tantx kellu ħjiel li dan se jasal waħdu. Ma kienx ikollu tilwima ma Gvern Laburista u jkun jinħtieġlu lill-istudenti jagħmlilhom tali appell.

F’tali ċirkostanza tali appoġġ kien jiġi b’mod immedjat mingħajr il-ħtieġa li jitkarrab għalih. U fost ta’ quddiem nett kien isib jinstigaw lill-istudenti sħabhom, lill-ulied il-Ministri u l-Prim Ministru. Mhux biss imma kien jarahom fuq quddiem fit-toroq imexxu l-kruċjata huma u hu jista joqgħod jistrieħ fuqhom.

Milli jidher, meta Bencini għamel l-appell tiegħu, quddiemu fil-miġemgħa ma kienx hemm studenti. Min jaf? Kieku forsi kien iqum xi wieħed minnhom u fil-preżenza ta’ ommu jghidli “f*** **f”.

Tsipi Livni

- Artiklu miktub fl-29 ta' Settembru 2008 -

Il-partit politiku fil-Gvern Iżraeljan Kadima din il-ġimgħa ħatar lil Tsipi Livni, 50sena, omm ta’ żewġ ulied, bħala l-mexxej suċċessur il-ġdid tal-partit, u fi ftit tal-ġimgħat oħra mistennija tieħu postha bħala Prim Ministru minflok Ehud Olmert.

Il-ħatra ta’ Livni hija aħbar tajba, imma t-telfa tal-Ġeneral Mofaz, li kien qiegħed jimbotta politika aktar militanti u saħansitra jhedded li jista jattakka lill-Iran, tagħmel ir-rebħa ta’ Livni aħbar aktar tajba. Livni minn persuna ultra Nazzjonalista, wara perjodu bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin resqet aktar lejn pożizzjoni moderata. It-trasformazzjoni tagħha waslet sal-punt li llum temmen fermament f’politika li twassal għal koeżistenza Għarbija/Lhudija.

Illum Livni hija meqjusa internazzjonalment bħala pedina importanti fil-proċess ta’ paċi. Għandha rapport tajjeb ħafna ma Mahmoud Abbas. U hemm sinjali li tista taħdem tajjeb ukoll ma Bashar al Assad. Il-problema għaliha madankollu tibqa dejjem il-Hamas. Dawn diġa ddikjaraw li l-ħatra tagħha mhu se twassal għall-ebda bidla.

Wieħed jittama li dak li ma rnexxielu ħadd jagħmel f’għoxrin sena, tagħmlu Livni…ftehim ta’ paċi dejjiemi mal-Palestina. Fl-opinjoni ta’ ħafna, jien wieħe minnhom, ma tista qatt id-dinja sserraħ rasha mill-inkwiet jekk ma tiġix riżolta l-kwistjoni tal-Palestina. Ħafna mit-trewwih fundamentalista reliġjuż madwar id-dinja jaf l-għeruq tiegħu lil din il-kwistjoni għax hemm min qed jinqeda biha għal skopijiet oħra. La darba tiġi riżolta l-kwistjoni Palestina, qisu wieħed skonnettja l-fuse minn mal-qalba ta bomba devastanti li tista tieħu ħin bla waqt.

Awguri Livni. Awguri Iżrael. Awguri Palestina.

Il-Protettur Brown

- Artiklu miktub fl-29 ta' Settembru 2008 -

Il-Prim Ministru Ingliż Gordon Brown jista, u hekk hu fil-fatt, għaddej minn żmien mill-aktar diffiċli. Il-Partit Laburista Ingliż qed jaqta’ lura ħafna, u ilu jaqta’ lura ħafna, fil-popolarita’. Brown qed jiffaċċja tgergir intern li qatt ma kien hemm bħalu fil-partit. Qed jiffaċċja riżenji u qed jiffaċċja sfidi għat-tmexxija tiegħu meta kellu talbiet biex iħalli l-post ta’ mexxej.

Madankollu ammirajtu ħafna dan l-aħħar meta f’intervista li saritlu fuq stazzjon popolari televiżiv Ingliż, liema intervista segwejt b'interess kbir, huwa irrifjuta li jdaħħal l-familja tiegħu fid-diskussjoni, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu t-tfal. Huwa saħansitra jipproteġihom billi jirrifjuta li jkunu fotografati anki f’ambjenti u akkazzjonijiet soċjali li jkollhom.



Ammirajtu għaliex kuntrarju għal dak li kien jagħmel il-mexxej ta’ qablu, u kuntrarju għal dak li qed naraw iseħħ fil-kampanji politiċi li għaddejjin fl-Amerka, fejn it-tfal tal-politiċi jitqiesu bħala oġġett propagandistiku, Brown irid li uliedu jkollhom l-ispazju tagħhom. Brown jgħid li m’għandhomx ikollhom invażjoni f’ħajjithom. Jgħid li huwa hu li għażel li jidħol fil-politika u mhux uliedu. Mela huwa hu li għandu jkun skrutinizzat u mhux uliedu. Qal li uliedu għandhom dritt li jħossuhom tfal sakemm għadhom tfal. Għandhom dritt ikollhom rapport mal-ħbieb tagħhom bħal tfal oħra. U jibnu dan ir-rapport skond il-ħila tagħhom mhux skond ulied min huma. Qal li invażjoni mill-midja ma tħallihomx jibnu dan ir-rapport, u talab li uliedu jitħallew fil-kwiet.


Kemm għandhom x’jitgħallmu Sarah Palin u Barack Obama f’dan ir-rigward.

Ittra tal-Mistħija

- Artiklu miktub fl-29 ta' Settembru 2008 -

Ġibditli l-attenzjoni ittra minn qarrej ta’ dan il-ġurnal li ġiet ippubblikata fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħamis.

Xi ħadd ġibed l-attenzjoni li ħlas li kien dovut lill-Pulizija għal xogħol sahra li għamlu mal-banek f’Jannar meta seħħet il-qalba għall-ewro, għadu ma sarx. Qed nitkellmu disa’ xhur wara. Inġibdet l-attenzjoni wkoll li ħlas għal xogħol sahra li sar waqt l-elezzjoni ġenerali għadu ma sarx lanqas, meta qed nitkellmu sitt xhur wara.

Nixtieq nistaqsi kemm-il stonku hawn li jiflaħ joqgħod sitt xhur u disa’ xhur mingħajr ma jitrejjaq? Allaħares l-istonku tad-dipendenti kollha ta’ dawk li għandhom jirċievu dan il-ħlas kien jiddependi fuq dan il-ħlas għax kieku mietu kollha bil-ġuħ.

Nixtieq nistaqsi kemm-il Ministru, Segretarju Parlamentari, Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali, jew Direttur idum disa’ xhur biex jieħu ħlas li jkun dovut li jieħu?

Il-Konvenzjoni ta' Paul

- Artiklu miktub fl-06 ta' Settembru 2008 -

Lura għall-politika Amerikana li bħalissa qed insegwi bil-kbir. Mhux biss kien x’għaddej fil-Konvenzjonijiet rispettivi imma anki lil hinn.

Kongressista Amerikan minn Texas, Ron Paul, li kien ukoll wieħed mill-kandidati Presidenzjali fl-elezzjonijiet primarji Repubblikani, għażel din il-ġimgħa li jsejjaħ Konvenzjoni għalih – ir-Republican Counter-Convention. Saret nhar it-Tlieta meta fil-Konvenzjoni Repubblikana sar l-intervent qasir awdjo-viziv ta’ Bush. Attendew ghall-Konvenzjoni ta’ Ron Paul 15,000 ruħ.



Ron Paul jagħmilha ċara li m’huwiex kuntent bil-politika attwali tal-Partit Repubblikan. Qed jitlob li l-partit jirritorna għall-għeruq ideoloġiċi tiegħu. Qed jgħid li jekk l-alternattiva għas-Soċjaliżmu tad-Demokratici ta’ Obama huwa l-faxxiżmu ta’ Bush u McCain, allura għandna gwaj kbir jistenniena.

Ron Paul qed jgħid li mhix l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Partit Repubblikan imma li juża l-fazzjoni li tappoġġjah biex jinfluwenza l-Partit Repubblikan biex jibdel ir-rotta u ma jkomplix jersaq lejn politika tal-lemin estrem. Wieħed jistenna x’se jiġri. Imma ma tkunx sorpriża li Paul jittanta xi avventura għal rasu u jikkontesta xorta waħda f’Novembru li ġej.

Fadalli x'noffri

- Artiklu miktub fl-06 ta' Settembru 2008 -

Bqajt imbellaħ u imnixxef meta dan l-aħħar iċ-Chairman tal-Malta Tourism Authority Sam Mifsud konfrontat minn ġurnalista, wara li kien għadu kif stqarr li għalih l-ambjent m’huwiex prijorita’ għall-qasam tat-turiżmu, u wara talbiet li kien hemm għar-riżenja tiegħu, wieġeb li m’għandux intenzjoni li jirriżenja minn Chairman ta’ l-MTA għaliex iħoss li fadallu x’joffri.

Bqajt imbellaħ u imnixxef aktar meta qist li l-ereżija ta’ dikjarazzjoni li għamel Mifsud dwar jekk l-ambjent mhux prijorita’ għat-Turiżmu, għamilha fil-kuntest tal-kawża li għaddejja fil-Qorti in kwistjoni mal-każ skandaluż tal-Mistra, u dan biex ikun ta’ spalla għal xi ħadd li għaddejjin proċeduri kontrih. Huwa tal-mistħija aktar li Mifsud dan għamlu mhux biss biex jiddefendi ir-rapport li sar mill-MTA rigward l-applikazzjoni għal diskoteka fil-Mistra, liema rapport ma ħa l-ebda konsiderazzjoni ambjentali, imma agħar minn hekk ipprova jiġġustifika l-bini ta’ diskoteka billi jgħid li t-trammuntana tal-pajjiż hija nieqsa minn stabbilimenti ta’ divertiment meta m’huwiex il-każ.

Quddiem dan kollu tagħmel ħafna sens it-talba għar-riżenja tiegħu. Li ma jagħmilx sens hu li joħroġ hu u jgħid li m’għandux intenzjoni li jirriżenja għaliex għad fadallu x’joffri. F’sitwazzjoni bħal din, jekk wieħed għandux x’joffri aktar jew le mhux l-individwu konċernat għandu jaraha. Ħaddiehor. F’sitwazzjoni bħal din l-irġulija titlob riżenja. Imma le, donnha saret moda f’dan il-pajjiż tweġiba bħal din. Kull min ikollu talba biex jirriżenja iwieġeb li fadallu x’joffri. Bħal dak li qallu qatt miet Papa u l-Knisja ma tellgħetx ieħor. Bħal dak li qallu l-kwalitajiet ta’ dak li jkun huma tant uniċi li ma ssibhom f’ħadd iktar. Fejn hi l-etika professjonali? Fejn huma l-korrettezza, it-trasparenza, u l-akkontabilita’?

Il-fatt jibqa wieħed. Min jiżbalja hu mistenni minnu li jerfa r-responsabbilta’ ta’ l-iżbalji li jagħmel. Min jiżbalja u ma jerfax responsabbilta’, anzi jibqa’ jirreżisti kull talba li ssirlu, f’għajnejja huwa bniedem arroganti.

Distanza ta' Konvenjenza

- Artiklu miktub fl-06 ta' Settembru 2008 -

Biż-żewġ Konvenzjonijiet Nazzjonali tal-partiti Amerikani magħluqa, dik tad-Demokratiċi l-ġimgħa l-oħra u tar-Repubblikani din il-ġimgħa, issa jinagħta bidu għall-aħħar sprint tal-kampanja li twassal tmien ġimgħat oħra għall-elezzjoni Presidenzjali tant mistennija.

B’George W. Bush ma jistax jerġa jikkontesta għaliex serva t-tieni term tiegħu, ir-Repubblikani fl-elezzjonijiet primarji li saru aktar kmieni din is-sena nnominaw lill-veteran John McCain bħala l-kandidat Presidenzjali tagħhom. Huwa se jiffaċċja lill-popolari avukat iswed Barack Obama li huwa l-kandidat nominat f’isem id-Demokratiċi.

John McCain u l-konsulenti Repubblikani tiegħu jafu tajjeb li t-tmien snin ta’ Bush m’humiex ta’ għajnuna fl-aspirazzjonijiet tagħhom għal erba’ snin oħra fil-Whitehouse. Bush m’huwiex figura popolari. Jafu li l-gwerra fl-Iraq, u l-kontroversji kollha li rriżultaw minnha, ma tistax tifridhom minn George Bush. U lanqas tista tifred ir-rekord ekonomiku ħazin li se jħalli warajh. Allura rraġunaw li l-uniku mod kif ma jitgħabbewx bid-dnubiet u n-nuqqas ta’ popolarita’ ta’ Bush huwa li jallontaw ruħhom minnu. Jitbiegħdu. Iżommu distanza.

Din it-tattika kienet evidenti ħafna nhar it-Tlieta fit-tieni jum tal-Konvenzjoni Nazzjonali Repubblikana. Qatt ma nżammet konvenzjoni ta’ partit politiku Amerikan li jkollu f’idejh il-Presidenza Amerikana u l-President ikun assenti minnha. George W. Bush fl-erbat ijiem tal-Konvenzjoni ma kien preżenti qatt fis-sala. L-uniku intervent li għamel kien indirizz qasir ta’ tmien minuti minn 900 mil il-bogħod, li għamlu permezz ta’ video link mill-Whitehouse.

John McCain ried jibgħat messaġġ li qiegħed jiddistanzja ruħu minn Bush. Fl-opinjoni tiegħi pero din hi biss distanza ta’ konvenjenza. Bush u McCain huma prodott simili mnebbħa mill-istess ħsibijiet u miri. Hija biss tattika politika. Mossa li tintuża sikwit. Mhux fl-Amerka biss. U l-iskop ikun li jiġu ngannati n-nies. Taparsi ma jaqblux…imma jkunu ħaġa waħda. Taparsi ma jarawx għajn m’għajn…imma jkunu ħbieb tal-qalb. Taparsi differenti…imma jkunu kopja ta’ xulxin. Taparsi flimkien ma jaħdmux…imma ma joqgħodux wieħed mingħajr l-ieħor. Politika tat-teatrini.

Tat-Tarzna u l-Kummissarju Spidla

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Nagħti applaws kbir u xieraq lill-Alternattiva Demokratika li kitbet lill-Kummisarju għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali ta’ l-Unjoni Ewropeja Vladimir Spidla biex jinvestiga jekk il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fir-rigward tat-Tarzna u l-impjegati tagħha tmurx kontra d-Direttiva ta’ l-U.E. numru 2001/23EC, liema direttiva llum saret parti integrali mill-liġijiet ta’ Malta. Din id-direttiva tgħid ċar x’inhuma l-obbligi soċjali li jridu jitħarsu fil-konfront tal-ħaddiema meta jkun hemm bdil ta’ idejn ta’ xi azjenda. Tgħid ċar li l-ħaddiema huma parti integrali mill-kumpanija li tkun se tinbiegħ, u min jixtri jrid jieħu lilhom ukoll u mhux jilliċenzjahom. Bil-miżuri li qiegħed jipprova jieħu l-Gvern dawn l-obbligi m’humiex jiġu rispettati, anzi qiegħed jagħmel minn kollox biex jiżloq mill-obbligi tiegħu.

Id-Dippressjoni

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Qrajt dan l-aħħar li sas-sena 2020 il-mard bid-dipressjoni se jkun l-iktar mard komuni fid-dinja. Qrajt ukoll li preżentament hu stmat li f’pajjiżna hawn aktar minn 10% tal-popolazzjoni li tbati minn mard ikkawżat minn dippressjoni. Li jfisser li f’pajjiżna għandna aktar minn 40,000 persuna marida. Il-problema hija akbar meta hu magħruf li minħabba stigma ħafna minn dawk li huma morda ma jersqux ‘il quddiem għall-kura. U hija akbar meta hu magħruf ukoll li konsegwenza ta’ tali mard ibatu l-membri l-oħra kollha tal-familja.


Fl-opinjoni tiegħi din hi sitwazzjoni li hemm ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata. 40,000 persuna milquta jfisser li m’hawnx familja waħda f’pajjiżna, fil-qrib jew mhux daqstant fil-qrib, li b’xi mod m’għandhiex lil xi ħadd maqbud fil-problema. Ifisser mela li hija problema nazzjonali.

Imma milli jidher huma biss id-69 familja tal-membri parlamentari li huma ħielsa għal kollox minn tali gwaj!

Il-Konservattivi

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Min hu konservattiv hija fih li jirreżisti kull elementi ta’ bidla. Il-konservattiv jaħdem attivament biex jippriserva l-affarijiet u jħalli kollox kif inhu. Min hu konservattiv jirraġuna li la kif inhu jaf, u kif se jkun ma jafx, aħjar ma jieħux sogru…anki jekk addirittura jaf li kif inhu ma wasalx fit-tragward li kellu jasal u anki jekk jirriżultalu bil-fatti li ftit jista jasal.

L-elementi konservattivi f’Malta ftit jew ħafna kienu assoċjati dejjem mal-Partit Nazzjonalista. Huma partit li jżomm mat-tradizzjoni u meta ħtieġew li jinbidlu, għamlu dan bil-mod wisq u b’kawtela liema bħalha. Pero f’dawn l-aħħar snin inħakem ukoll minn elementi konservattivi l-Partit Laburista. U bil-kemm ma sarx konservattiv aktar minn Nazzjonalisti.

Ir-riżultat hu li l-Partit Nazzjonalista baqa jattira lejh il-voti tiegħu, u b’żieda magħhom voti oħra ta’ nies li bdew jaraw lill-Partit Nazzjonalista progressiv aktar mill-Partit Laburista.

Fl-opinjoni tiegħi r-riżultat ta’ l-aħħar elezzjoni ta’ l-Amministrazzjoni Laburista kien rebħa oħra għall-konservattivi. Anki jekk il-maġġoranza kienet favur il-bidla. Li jwassalni għall-appell sinċier tiegħi lil Joseph Muscat biex ma jaqtax qalbu u il-bidliet progressivi li jixtieq idaħħal jippersisti fuqhom u jdaħħalhom.

Minflok Riċetti

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Ngħid il-verita’ xbajt niftaħ stazzjonijiet lokali tat-tv u nara borom, taġnijiet, tisjir, u bejgħ sfurzat ta’ oġġetti li rari niġi bżonn. Xbajt nara tqanżih u medjokrita’. Tqallajt nara sfruttar u daħk bin-nies. Meta se nibdew nużaw dawn il-mezzi bis-sens? Meta?


Se nitkellem għal One TV għax jien dak li kkuntribwixxejt għalih. X’aħna nistennew biex għodda daqshekk b’saħħitha nibdew nużawha biex niddefendu biha lil min l-aktar jippretendi difiża mingħandna? Aħna partit politiku li għandna niddefendu lil min l-aktar għandu bżonn ta’ difiża. U għandna nużaw dawn il-mezzi biex naraw li noffru din id-difiża.

Per eżempju nixtieq jittella' programm li jkun difensur tal-konsumatur. Programm li l-konsumatur ikun jista jressaq l-ilmenti tiegħu u t-tim tal-programm jinvestigahom. Programm li jkun xewka għal min qiegħed jisfrutta lilna l-konsumaturi. Programm li jkun lest li jadotta policy ta’ name and shame. Nixtieq li l-istazzjon tagħna jieħu fama ta’ stazzjon difensur ta’ l-ambjent. U bi programm bi stil simili għal dak li semmejt aktar il-fuq ikun tassew difensur vera ta’ l-ambjent billi jikxef il-feriti li qed isiru fuq l-ambjent u min qed jagħmilhom. Programm li jitratta wkoll il-moħqrija fuq l-annimali u jperreċ bla ħabi ta’ xejn lil min hu bestja aktar mill-annimali.

Imma minkejja li nistenna fuq li nistenna, donnu qatt mhu se tinqata’ xewqti. Il-borom u t-taġnijiet dejjem jieħdu preċedenza.

Id-Divorzju

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Hemm bżonn ta’ aktar maturita’ fid-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar id-divorzju. Ma naqbilx ma min qiegħed jinkoraġġixxi li din il-kwistjoni tiġi deċiża b’referendum. Fl-opinjoni tiegħi ma jkunx ġust li d-drittijiet ċivili tal-minoranza jiġu sanzjonati minn kunsiderazzjonijiet tal-maġġoranza.


Jien l-ewwel wieħed li personalment jekk niġi bżonnu ma nagħmilx użu minnu. Dan minħabba kunsiderazzjonijiet personali. Imma min jien jien biex inżomm lil ħaddieħor milli jirrikorri għalih jekk jaħseb li dik tkun l-aħjar soluzzjoni fiċ-ċirkostanza tiegħu? Din hi soċjeta’ lajka u trid issir distinzjoni bejn dak li hu ċivili u reliġjon. Tagħmel sew il-Knisja li tħeġġeġ lill-membri tagħha biex iżommu mat-tagħlim tagħha, imma dawk li ma jħossuhomx marbuta b’dak it-tagħlim għaliex għandhom jibqgħu ibatu? Minn naħa l-oħra lanqas hu ġust li min jiflaħ iħallas jista' jġib id-divorzju minn barra, bl-istat Malti jirrikonoxxih, u min m’għandux mezzi biex jibda proċeduri barra jibqa' jbati.

Ħajja Infern

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Li l-ħajja saret għolja infern issa hija konfermata minn statistika uffiċjali. Iż-żieda li ġiet reġistrata fl-għoli tal-ħajja mis-sena l-oħra ‘l hawn kienet l-aktar waħda għolja f’għaxar snin. Żieda ta’ 5.6%. L-għola fl-Ewropa. F’pajjiż fejn il-pagi baqgħu relattivament iffriżati, u fejn il-ħaddiem huwa fost l-anqas imħallas fl-Ewropa, din iż-żieda toqros aktar fil-laħam il-ħaj. Ifisser li għall-istess affarijiet li kien jixtri sena ilu wieħed għandu għażla li jew iħallas 5.6% aktar milli kien iħallas, jew jekk m’għandux minn fejn iħallas jara kif jgħaddi mingħajr dawk l-affarijiet. Ifisser ukoll li n-nies qed jispiċċaw b’anqas flus fil-but u dawk li jiddependu totalment fuq il-paga qed jaraw il-paga tittiekel, jekk mhux tinbela’.


Hu ċar kristall li quddiem ħaġa bħal din il-Gvern jinsab ċass u impotenti. M’għandu l-ebda kontro miżura biex jilqa' għal din l-inflazzjoni. U lanqas għandu rieda. Mill-banda l-oħra jibqa' ma jagħmel xejn biex jara li l-ħaddiem jieħu l-kumpens li jimmeritah. Naħseb li wasal iż-żmien li min darba kien talab żieda ta’ Lm9 fil-ġimgħa jiftakar ftit f’dik it-talba bid-differenza li din id-darba jieħu daqsxejn oħra inkarigu jaqleb it-talba minn liri Maltin għal Euros.

Inkwiet Dinji

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

L-aħbarijiet li kellna dan l-aħħar, u li għad għandna ġejjin, mill-Ossezja t’Isfel, l-Abkhazja, u l-konflitt bejn Georgia u r-Russja, il-qawmien mill-ġgdid tal-vjolenza fl-Afghanistan u l-qtil ta’ suldati Franċiżi u suldati Kanadiżi f’inċidenti separati, l-inkwiet li għaddej bħalissa fil-Pakistan wara r-riżenja ta’ Musharraf u l-vjolenza tat-Talibani mal-fruntiera, kif ukoll l-attakki mill-Al-Qaeda fl-Alġerija, iħassbu bil-kbir lil kull min jgħożż il-valuri tal-paċi.


Hemm ħtieġa li l-movimenti paċifisti fid-dinja iżidu l-għajta tagħhom favur il-paċi. Hemm ħtieġa li dawk favur il-paċi, li huma l-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni dinjija, jinżlu jimlew il-pjazez u jsemmgħu leħinhom. Anki hawn Malta avolja pajjiż żgħir. Min se jkun li se jibda?