Il-Partit Laburista għandu bżonn jissaħħaħ, jinbidel, u jsir aktar pożittiv. Dan għandu jagħmlu għalih innifsu, imma aktar minn hekk għall-pajjiż.Pajjiżna għandu bżonn bidla sħiħa. Bidla fil-mod kif nindirizzaw il-problemi qodma li ilhom magħna. Bidla kif niffaċċjaw l-isfidi ġodda li jiġu fuqna. Bidla sħiħa fil-mentalita’ u l-mod kif nagħmlu l-politika.
Irridu nkunu aħna tal-Partit Laburista, imħeġġa u msaħħa b’Mexxej ġdid żagħżugħ bħalma hu Joseph Muscat, li noffru din il-bidla. Pero biex inkunu aħna li nagħmlu dan irridu nerġgħu nibdew nirbħu. U biex nirbħu rridu naħdmu għal aktar għaqda fil-partit tagħna. Partit mhux magħqud biżżejjed ma jirbaħx elezzjonijiet. U biex jirnexxielna niġbru biżżejjed nies madwarna li jwassluna għal rebħa rridu l-ewwel ningħaqdu u nissodaw minn ġewwa.
Kull min jafni lili jaf li qatt ma skjerajt ruħi f’xi fazzjonijiet. Qatt ma kont persuna diviżiva. U jaf ukoll li dejjem ippruvajt, fejn inqala xi saram bejn wħud, inberred u nikkalma. Għaldaqstant nikkonsidra lili nnifsi bħala persuna li m’għandi problemi ma ħadd.
Bħala Segretarju Ġenerali, jekk intom id-delegati tisilfuni l-fiduċja tagħkom, se naħdem bla serħan biex dan il-partit inkomplu nissodawh minn ġewwa u ninsab kunfidenti li nista' nkun il-persuna li ngħaqqad.Irrid li mill-pożizzjoni li nkun nimpennja ruħi li nkun strument li jressaq lil kulħadd lejn xulxin. Irrid li terġa' tidħol lura, u se naħdem biex terġa' tidħol lura s-serenita` fil-partit tagħna.
Ejja nkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex dan il-perjodu li għaddejjin minnu ikompli jkun perjodu ta’ suċċess billi naraw li tassew terġa' tibda tirrenja għaqda sħiħa u soda.
Dejjem Tiegħek,
Joe Chetcuti
No comments:
Post a Comment