Is-Sibt, 27 ta’ Diċembru 2008

L-2008

Din hi l-aħħar kontribuz¬zjoni tiegħi għall-2008 u allura xieraq li ndur dawra ħafif magħha qabel titlaq. Sena tal-kuntrasti u l-kontroversji. Qabel xejn, l-2008 kienet is-sena tal-Elezzjoni Ġenerali. Li kellha, skont kif ingħatajna x’nifhmu, tintrebaħ b’mod l-aktar komdu mil-Labour, imma li reġgħu rebħu n-Nazzjonalisti biex se jkunu għamlu 25 sena fil-Gvern. Kienet ukoll is-sena li matulha jekk il-bidla f’Malta ma seħħitx, fl-Istati Uniti tal-Amerika mhux biss rajniha sseħħ b’mod kolossali talli rajna l-istorja tinkiteb.


Hija ukoll is-sena tal-kriżi finan¬zjarja dinjija li tefgħetna f’riċessjoni li mistennija tilħaq il-kulminu tagħha fl-2009. U s-sena fejn barmil żejt l-ewwel laħaq prezz rekord ta’ $147, imbagħad f’temp ta’ tliet xhur il-prezz irreġistra l-akbar waqgħa li qatt wieħed seta’ jimmaġina.

Lura Malta, l-2008 tibqa’ mfakkra bħala s-sena ta’ tariffi ġodda tat-twerwir għall-konsum tad-dawl u l-ilma. Tariffi li qajmu kwistjonijiet kbar. Inkwiet li ċert li se nġorruh magħna fl-2009. U kwistjonijiet li għall-ewwel wasslu lill-unjins kollha jingħaqdu fi front wieħed b’tama qawwija li fl-aħħar konna se naslu għat-twaqqif ta’ Kunsill Trejdunjonistiku, imma mbagħad rajna għal darb’oħra l-partiġġjaniżmu politiku jirbaħ fuq l-interessi tal-ħaddiema.

Kienet ukoll l-2008 is-sena fejn partit politiku ewlieni mit-tnejn li għandna, ikkonferma, kif kien mistenni, il-Kap tiegħu, iżda bidel is-Segretarju Ġenerali, filwaqt li l-partit ewlieni l-ieħor, ironikament, bidel il-Mexxej iżda kkonferma lis-Segretarju Ġenerali. Għal xi wħud waħda mill-ftit affarijiet notevoli li l-partiti għamlu differenti wieħed mill-ieħor.


Fl-2008 rajna ukoll ħafna uċuh stabbiliti fil-Kabinett tal-Ministri Nazzjonalista jitilfu posthom, fl-istess ħin li rritorna John Dalli u fl-istess ħin li l-aktar aspirant għall-kabinett il-ġdid, Jeffrey Pullicino Orladno, kellu jitħalla barra natu¬ralment minħabba l-involviment tiegħu fl-akbar skandlu politiku tas-sena.

Fl-aħħar, l-2008 kienet is-sena li fiha ħalliena l-ewwel President tar-Repubblika Maltija, Sir Anthony Mamo, waqt li se tkun l-aħħar sena sħiħa f’kariga pubblika għall-President attwali meta nafu li fl-ewwel kwart tas-sena l-ġdida jiskadielu żmienu u jinħatar ieħor ġdid.


Nawgurawlu snin twal ta’ mistrieħ.

Liċenzji Anti-Soċjali

Jekk it-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma huma xokkanti, il-ħlas il-ġdid li se jkollna nħallsu għal-liċenzji tal-karozzi u l-mod kif se jibdew jinħadmu, mhux biss fl-opinjoni tiegħi huwa xokkanti, iżda huwa inġust, anti soċjali u klassista. Hija ħasra li minħabba li l-attenzjoni ta’ kulħadd hi fuq id-dawl u l-ilma, il-liċenzji tal-karozzi ftit huma dawk li qegħdin jikkummentaw fuqhom.

Huma liċenzji li l-Gvern qed jiġġustifikahom taparsi bl-iskuża tal-ambjent meta l-iskop aħħari hu ċar li hu maħsub biex idaħħal kemxa tajba minn fuq min l-inqas jiflaħ, fl-istess ħin li jagħti vantaġġ lil min jiflaħ.


Il-ħlas il-ġdid fuq il-liċenzji se jkun ibbażat, fost l-oħrajn, fuq l-ammont ta’ snin li jkollha karozza, liema sistema qiegħda tikklassifika karozza ta’ sitta/seba’ snin bħala waħda diġà antika. Sistema li tikkastiga lil dawk li ma jifilħux jibdlu l-karozza sikwit u li konsegwenza t’hekk joqogħdu attenti ħafna li jibżgħu għaliha ħalli sservihom.

U min huma dawn in-nies? Huma ħaddiema tal-klassi tan-nofs u t’isfel. Ħaddieħor, min jista’, dawn il-liċenzji extra¬vaganti se jevita¬hom, għax komdu jagħmel hekk, billi jibdel il-karozza kull ftit snin. U min huma dawn in-nies? M’hemmx għaliex ngħidu, huma dawk li apparti li l-qagħda finanzjarja tagħhom tippermettilhom jibdlu l-karozza, ħafna minnhom il-kapital biex jixtru karozza ġdida u l-ħlasijiet tal-liċenzji mhux talli ma jħossuhx talli għall-fini ta’ taxxa jiddikjarawh spejjeż fuq il-kumpanija tagħhom… u allura jieħduhom lura.


U huwa proprju għalhekk li dawn il-liċenzji huma inġus¬ti, anti-soċjali u klassisti. Donnu l-messaġġ ewlieni hu: “M’hemmx x’tagħmlu! Ħallu t-toroq liberi għal min jiflaħ. Min ma jiflaħx dejjem jista’ jinqeda bit-trasport pubbliku!”

Min-naħa l-oħra hemm ukoll l-impatt li dawn it-tariffi l-ġodda se jħallu fuq is-suq tal-karozzi ‘second-hand’. Fil-fatt jidher li dawk li jinnegozjaw f’dan is-suq, l-aktar dawk li jimpurtaw mill-Ġappun, sabu ruħhom mil-lum għal għada, f’sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira. U r-ritratti li qed nippubblika ma’ dan l-artiklu huma xhieda biżżejjed tal-inċertezza li nħolqot bit-tħabbir tal-liċenzji l-ġodda. Kulħadd jara kif jagħmel biex jilqa’ għad-daqqa li ġiet fuqu. Kulħadd joħroġ b’inizjattivi li ma kinux joħorġu bihom li kieku mhux qegħdin jaraw il-gwaj.






Istħi jekk taf

Skandalizzajt ruħi meta fil-bidu ta’ dan ix-xahar qrajt li wara li pazjent tfajjel rebaħ kawża kontra l-gvern biex jiġi kkumpensat ta’ l-ispejjeż li għamel wara li kien kostrett ifittex trattament barra minn Malta, il-gvern Malti ddeċieda li jappella mis-sentenza. Fis-sentenza oriġinali tagħha l-Qorti iddikjarat li r-rifjut ta’ l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin biex jagħtu trattament mediku bla ħlas lil dan it-tfajjel kien jikkostitwixxi ksur tal-obbligi li pajjiżna daħal għalihom bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropeja.


Skandalizzajt ruħi aktar meta naf li l-gvern ma ddejjaq xejn iħallas eluf kbar, jekk mhux miljuni ta’ ewro, lil żewġ periti għal xogħol ripetut li għamlu fuq pjanti għal bieb il-belt, liema proġett baqa’ fuq l-ixkaffa u issa se jerġgħu jintefqu l-miljuni mill-ġdid. Skandalizzajt ruħi għaliex il-gvern ma min jidhirlu ma jappellax minn sentenzi li jkunu nqatgħu kontrih għal kumpens. Skandalizzajt ruħi għaliex ħafna drabi l-gvern, minn jeddu, kien ġeneruż f’kumpens li ddeċieda hu mingħajr intervent tal-Qorti lil individwi li allegaw li kienu vittmi politiċi. Ewlieni fosthom RCC li ġie kumpensat għall-attentat li seħħ fuq ħajtu fl-Mdina. Veru gvern ma jafx jistħi.

L-Erbgħa, 17 ta’ Diċembru 2008

Il-PN partit priveliġġjat tal-UĦM

Hija tassew ħasra li l-għamad politiku tal-mexxejja tal-UĦM u s-ĊMTU wassalħom biex jiżganċjaw ruħhom mill-kumplament ta’ l-unjins l-oħra u tbiegħdet kull possibilta’ li sseħħ l-għaqda bejn il-movimenti trejdunjonistiċi Maltin kollħa fi ħdan Trade Union Council. Ħasra, u ħtija li ma tinħafirx, li l-pass storiku li seħħ ix-xahar l-ieħor bil-manifestazzjoni konġunta li organizzaw l-unjins Maltin kellhu jispiċċa imminat b’dan il-mod ħtija ta’ min f’għajnejn ħafna qiegħed ipoġġi l-interessi tal-partit ta’ qalbu qabel l-interessi tal-ħaddiema li jirrappreżenta.


Ma nafx għalxiex dakinhar tal-manifestazzjoni organizzata mill-unjins bħal ħassejt xi ħaga ġewwa fija tgħidli li Gejtu Vella u William Portelli xejn ma kienu komdi. Bħal donnu l-body language tagħhom kixifhom. Mhux talli dehru skomdi ħafna talli l-kompartament tagħhom bħal ried jgħid li hemm ma kienx posthom. Dehru ħuta barra mill-ilma. Ta’ l-anqas dakinhar hekk rajthom jien. U b’dak kollu li ġara minn dakinhar ‘l hawn donnu ġie konfermat dak li ħassejt. Ħasra, nerga ngħid, li l-għamad politiku ta’ dawn huwa akbar mil-lealta’ tagħhom lejn il-ħaddiema, u akbar mil-lealta’ lejn il-pajjiż wara kollox. Qed ngħid dan għaliex bil-ħolqien ta’ TUC kien se jkun il-ħaddiem u l-pajjiz l-aktar li jibbenefikaw.

Intant, dan l-aħħar kont qed nitkellem ma kollega tiegħi tax-xogħol membru tal-UĦM. Dan stqarr miegħi bla tlaqliq li jinsab skandalizzat għall-aħħar bl-atitudni tal-UĦM u s-CMTU Qalli li għaxar snin ilu, u hu kien qabel magħha, il-UĦM kienet ordnat azzjonijiet industrijali propju minħabba l-istess kwistjoni li nqalgħet illum – it-tariffi tad-dawl u l-ilma. L-uniku żewġ differenzi bejn għaxar snin ilu u llum, qalli, huma l-ewwel li għaxar snin ilu kien Gvern Laburista li ried jintroduċi rati ġodda aktar għolja għad-dawl u l-ilma mentri llum il-Gvern hu wieħed Nazzjonalista, u t-tieni differenza hi li r-rati li qegħdin jipproponu llum Lawrence Gonzi u Austin Gatt huma, u se nuża kliemu ezatt, “bil-bosta aktar oxxeni minn dawk ta’ għaxar snin ilu.”


Dan sieħbi fakkarni wkoll li għal aktar minn gimgħa sħiħa, għaxar snin ilu, il-UĦM kienet kważi pparalizzat pajjiż meta litteralment waqfet kull importazzjoni u esportazzjoni, lejn il-pajjiż u mill-pajjiż, billi imblukkat il-gates tal-Freeport b’numru ta’ containers f’dik li kienet giet diskritta bħala azzjoni industrijali leġittima u legali. Kompla jgħidli li hu, bħala membru tal-UĦM, din id-darba ma kien qed jistenna xejn mill-unjin tiegħu anqas minn dak li għamlet għaxar snin ilu. Qalli li hu Nazzjonalist, għalkemm mhux xi wieħed appassjonat iżżejed, pero f’din il-ħaġa ma tidħolx politika. Jekk għaxar snin ilu, kompla jgħidli, dawk ir-rati kienu piż għal ħafna nies, Nazzjonalisti u Laburisti, dawn tal-lum huma piz ukoll, anzi aktar. Kompla jispjegali li l-fatt li ma kienitx pronta biex tieħu azzjoni industrijali kif għamlet għaxar snin ilu, il-UĦM iddiżappuntatu u nislet fiħ rabja enormi. “Agħar minn hekk,” żied jiftaħ qalbu “hu l-fatt li l-unjin tiegħi minn wara dahar l-unjins l-oħra,marret taqbel mal-gvern fuq rati li l-ebda unjin oħra, u l-ebda korp kostitwit ieħor, ma qabel.”

Qgħadt ukoll nisimgħu jargumenta kif fil-pajjiżi Ewropej, f’dik li ħi enerġija domestika l-konsumatur qiegħed jesperjenza roħs fil-prezzijiet biex jirrifletti r-roħs enormi li kien hemm fil-prezz taż-żejt - minn Awwissu s’issa l-prezz taż-żejt waqa’ b’madwar $100-il barmil. F’Awwissu l-prezz ta’ barmil zejt kien jiżboq il-$140 u llum kemm kemm jaqbeż l-$40. Fl-Italja hemm kompetizzjoni ħarxa bejn il-kumpaniji ta’ l-energija min minnhom joffri l-aktar kundizzjonijiet favorevoli lill-konsumatur. U hawn Malta l-kontijiet aktar minn ser jirduppjaw. Qalli wkoll li fejn għandu x’jaqsam fuwil għat-trasport il-petrol u d-dijżil fl-Ewropa raw roħs konsiderevoli. Hawn Malta l-Gvern mhux talli ma raħsux talli għollieh. Bħal dak li qallu aħna m’aħniex fl-Ewropa wkoll. U jiġu is-CMTU u l-UĦM u jaqblu mal-Gvern fuq dan kollu. Tal-mistħija u l-veru għarukaża!


Qagħad jispjegali wkoll li apparti r-roħs fil-units ta’ l-energija u r-roħs fil-fuwil, fl-Ewropa l-gvernijiet kollha minħabba l-krizi finanzjarja dinjija qed jadottaw strateġija fiskali stimulanti li biha jitfgħu aktar flus fi bwiet in-nies. Dan billi jnaqqsu l-piz tat-taxxi, iżidu l-benefiċċji, u jbaxxu r-rati ta’ l-interessi ħalli n-nies ikollha aktar flus fil-but x’tonfoq. Dan kollu bil-ħsieb li terġa tidħol il-kunfidenza u n-nies titħajjar tgħin ruħha u terġa tibda ddawwar l-ekonomija. Hawn, imbierka s-sapjenza ta’ min jemmen li kollox hu possibli, f’dan il-pajjiż fejn m’għandna riżorsi ta’ xejn, Alla jbierek l-affarijiet isiru bil-maqlub. Hawn inżidu t-tariffi tad-dawl u l-ilma, ngħollu l-fuwil, ngħollu t-taxxi, indaħlu oħrajn ġodda bħal tad-drenaġġ, tal-bozoz konvexxenti u tal-basktijiet tal-plastik, ngħollu l-liċenzji, u r-rati ta’ l-imgħax ma mmissuhomx, biex… qisna la nagħmlu parti mill-Ewropa u lanqas mill-kumplament tad-dinja. U s-CMTU u l-UĦM imorru jiġru jifthemu mal-Gvern tal-partit ta qalbhom mingħjar ma jkollhom id-diċenza ilaqqgħu lill-membri tagħhom biex jiksbu mingħandhom il-kunsens li jagħmlu dan.

Tant hu dispjaċut u disgustat dan sieħbi, li wasal biex infurmani li kien sejjer jirriżenja minn membru tal-UĦM u li kien se jagħmel dan b’mod immedjat.


Skond hu, u din il-battuta sarkastika għogbitni immens, jekk il-GWU hija l-unjin privileġġjata tal-PL, bla dubju ta’ xejn li l-Partit Nazzjonalista ma jistax igerger li m’huwiex il-partit privileġġjat ta’ l-Union Ħaddiema Magħqudin. U għandu raġun. Tassew li l-PN huwa aktar minn privileġġjat mal-UĦM

Dan ir-rakkont kelli l-permess tal-persuna konċernata biex nirrakkontah.

Intant, biex nuri kemm il-UĦM, is-CMTU, u l-Gvern huma iżolati fuq din il-ħaġa nagħlaq dan l-artiklu billi nikkwota x’kiteb l-opinjonista Dr Austin Sammut, li żgur ma jieħux għalih jekk ngħid li l-PN hu l-partit privileġġjat tiegħu, fuq it-Times tat-18 ta’ Novembru. “Probabbilment, l-agħar ħaġa wara l-gwerer hija d-dipressjoni ekonomika. Kif għandek tilqgħalha d-dipressjoni? Billi tistimula l-ekonomija. Kif tistimulaha l-ekonomija? Billi tħalli aktar flus fi bwiet in-nies. Dan ifisser aktar flus fiċ-ċirkulazzjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur tiżdied u l-kummerċ jikber. Ma jiswiex li wieħed joqgħod jilgħabha ta’ l-eroj, kif qed jagħmel il-gvern, billi jibbilanċja l-bagit a spejjeż ta’ l-istimolu ekonomiku. Il-gvern għandu jieqaf jilgħabha ta’ l-eroj u jekk hemm bżonn għalissa jħalli d-defiċit jikber”


Qal, Dr Sammut, li n-nies mhux biss hija imbeżża’ imma mwerwra. Imwerwra mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Imwerwra li mhix se tkun kapaċi tħallas il-kontijiet. Imwerwra minn dak li se jiġri mill-kwalita’ tal-ħajja tagħhom. Imwerwra għax ma jafux hux se jaqgħu taħt il-linja ta’ poverta’. Ma jafux kemm għadhom jistgħu jixtru rigali tal-Milied. Ma jafux x’se jiġri mix-xogħol tagħhom jew min-negozju tagħhom. Ħadd ma jaf x’se jiġri. Hawn inċertezza u instabbilta kbira. Li jwaslu għal biza’, liema biza’ se tiffriża l-konsum u n-negozju. Dan mhux jien qed ngħidu. Kitbu Dr Austin Sammut. F’artiklu li fiħ sejjaħ lil Austin Gatt “aggressive” jiġifieri goff, lill-Prim Ministru Gonzi laqqmu “lost Lawrence” jiġifieri mitluf u ma jafx fejn qiegħed, u lill-Ministru Tonio Fenech għoġbu jiddiskriviħ bħala “timid”, li hi kelma oħra għal najxu.

Bilħaqq, Dr Sammut spiċċa l-artiklu tiegħu billi stqarr li dan hu l-aktar mument opportun fl-istorja ta’ pajjiżna biex jitwaqqaf Kunsill Nazzjonali tat-Trejdunjins. Opportunita’, skond hu, li m’għandhiex tintilef. U l-UĦM u s-CMTU raw kif għamlu u tellfuha.

Is-Sibt, 6 ta’ Diċembru 2008

Tobgħod, u turi!

Fl-aħħar artiklu tiegħi ktibt artikolett biex nuri solidarjeta` ma sieħbi Wenzu Mintoff wara li nies qrib tiegħu sfaw fil-mira tal-kitba imdardra ta’ Daphne Caruana Galizia. Kitba li kienet maħsuba unikament biex tferi s-sentimenti ta’ Wenzu Mintoff, liema kitba jien irriferejt għaliha bħala moqżieża daqskemm hu moqżież min kitibha. Għaliex ktibt hekk? Għaliex kont daqstant iebes? U għaliex, kif wegħedt fl-aħħar artiklu, se nerġa noqgħod niftħilha illum? Għaliex ma ninjorahiex kif kien hemm min qalli nagħmel? It-tweġiba hi sempliċi ħafna…u ngħidha bla ebda tingiż ta’ kuxjenza… din il-mara taf tobgħod u turi li taf tobgħod, u għal dan ma jistħoqqilha xejn għajr stmerrija bla qies. Jekk wieħed jinjoraha, ara wieħed jaħseb li se tħallih bi kwietu. Anzi kull ma jkun qed jagħmel hu biss li juriha li qed jibża' minnha u aktar jagħtiha forza biex tivvomta u tirremetti.



Għaliha, din il-mara, dawk li ma taqbilx magħhom huma lkoll irmixk, stupidi, ħamalli u injoranti. Is-socjeta`, skond hi, tkun perfetta biss jekk tkun magħmula minn ċorma nies tal-qatgħa tagħha. Il-verita` hi li dawk li ma taqbilx magħhom għandha raġuni għaliex ma taqbilx magħhom. Raġuni mli qatt ma tgħidha, imma li hi ċara aktar milli hu ċar il-kristall. L-interessi tagħha u ta’ dawk adwarha jiddependu fuq iċ-ċirku eżistenti tal-poter. U allura hu fl-interess tagħha li tiddefendi dejjem lil daċ-ċirku ta’ poter. Xi ħaga li għandha dritt tagħmel, u li ma tkun qed tagħmel l-ebda sagrileġġ jekk tibqa’ tagħmlu. Li hu sagrileġġ huwa l-fatt li fil-ħerqa biex tiddefendi l-interessi vestiti tagħha, tuża l-poter li tagħiha l-espożizzjoni fil-midja biex ixxerred l-odju u l-mibgħeda kontra min ma taqbilx miegħu. Agħar minn hekk, tidħollok f’razztek, fil-personal u jekk issib xi ħa, jew jidrilha li sabet xi ħaga, l-hena tagħha żżebilħek, tweġġek, tirredikolak, tumiljak u tiddieħak bik.

Jekk ma ssiblek xejn, u probabli wara din tal-lum jien se naqa’ f’din il-kategorija, l-hena tagħha ddaħħal subgħajha f’ħalqha u tirremetti fuqek dak kollu li jitla’ mill-istonku vomtuż tagħha. Biex tintimidak. Biex mingħaliha twerwrek. U twaqqfek milli tkompli, kif għandek kull dritt tagħmel, tifimha differenti minnha u tesprimi ruħek dwar dan fil-pubbliku. Tagħmel dan billi tpinġik l-iskart tas-soċjeta’. Taqla’ fuqek il-ħniżrijiet. Ixxerred l-odju u l-mibgħeda fil-konfront tiegħek. Jekk ma ssibx xi tgħid fuqek, jew fuq qrib tiegħek, tfittex id-difetti fiżiċi u tgħajjar lil dak li jkun bid-dehra u l-fiżika tiegħu.


U issa, imbierka s-sapjenza ma nafx ta’ min, qiegħda tieħu l-inkarigu tidħol fir-relazzjonijiet extra matrimonjali, li jekk ikunux eżistew jew le Alla biss jaf, ta’ nies li m’humiex fil-ħajja pubblika u li l-unika raġuni li tagħmilhom fil-mira tagħha hija li tali persuni jistgħu ikunu qrib ta’ persuna pubblika. Tal-mistħija! Ħmieġ! Żibel!

Lill-Mexxej Laburista attwali għajritu parti ġenitali ta’ mara. U kitbitha bil-Malti pur, jekk jogħġbok. Ara x’ħamallaġni! Qaltlu wkoll, biex mingħaliha tirredikolah, li bies is-salib, fil-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni, bħalma jitbewwsu n-namrati.

Lil Toni Abela qaltlu li jekk tidħol f’kamra u ssibu bil-wieqfa fuq siġġu b’ingassa m’għonqu qed jaħsibha jitgħallaqx jew le, ikun il-gost u l-pjaċir tagħha tneħħilu s-siġġu minn taħt saqajh. Ara xi ħdura.

Lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni preċedenti kienet daħlitlu fil-ħajja matrimonjali tiegħu u bdiet taqla’ kull ħaġa biex toskurah. Saħansitra kienet ġabet l-istmerrija ta’ l-ex mara tiegħu. Kienet anki kontinwament tinbxu bid-dehra u l-fiżika tiegħu lanqas li kienet xi waħda perfetta. Vera ma tistħix il-mara.


U issa ma’ Wenzu Mintoff qabżet kull limitu, jekk il-mibgħeda tagħha għandha limitu wara kollox, billi ppruvat tweġġgħalu s-sentimenti tiegħu billi ddaħħal imneħirha t-twil li għandha, ħa naqa’ waħda fil-fiżiku jien ukoll kif taqa’ hi, fil-ħajja privata mhux ta’ Wenzu imma ta’ persuni qrib Wenzu, mingħajr ma taf jekk dak li allegat, jew li ppruvat tallega, hux minnu, u meta wħud mill-persuni li ppruvat tagħmel referenza għalihom ma jistgħux jiddefendu ruħhom għax m’għadhomx magħna. Ħdura? Tridx tmur! Dan issejjaħlu ġurnaliżmu? X’taqbad issejħilha kitba bħal din? Ksuħat? Qżież? Bżieq? Jew assenza tal-ħdura?

Jekk din is-sinjura trid tkompli titqalla’ billi tagħtina aktar tagħrif dwar min raqad ma’ min, u dwar meta dak mar ma’ dik u ma’ l-ohra, allura nistedinha tagħmel kuntatt miegħi u niddireġiha ‘l fejn għandha titfa’ ħarsitha. U jekk jinteressaha persuni li marru ma’ persuni oħra ta’ l-istess sess, jew oħrajn ma’ minorenni, ngħidhomlha wkoll.

Sadanittant, minkejja kull rabja li għandi, inħossni fid-dmir li minn din il-kolonna nagħmel ftit appelli.

1. L-ewwel appell lil dak l-editur ta’ dak il-ġurnal li qed jagħtiha pjattaforma, kemm fuq il-ġurnal tiegħu u kemm fuq il-blog, biex jirrifletti ftit xi ħsara qiegħda ssir. Nappellalu jkun diskret x’jiġi ppubblikat, imma aktar minn hekk jieqaf jagħti pjattaforma lil min bil-pinna tiegħu qed jagħmel tant ħsara. La ma tafx tikkontrolla l-odju tagħha din il-persuna m’għandhiex titħalla tikteb.

2. It-tieni appell lill-qarrejja kollha ta’ dan il-ġurnal. Jekk intom bħali tqallajtu taqraw lil din l-opinjonista, agħmlu bħali. Uru l-protesta tagħkom billi tieqfu għal perjodu tixtru dan il-ġurnal ħalli d-diriġenza tiegħu tinduna li hemm xi ħaġa ħażina.

3. It-tielet appell imur għall-Istitut tal-Ġurnalisti. Nappellalkom tieħdu pożizzjoni iebsa għaliex kitba ripetuta ta’ dan it-tip qiegħda titfa dell ikrah fuq il-professjoni tagħkom.

4. Ir-raba’ appell nindirizzah lil dawk kollha li jirriklamaw fil-ġurnali. Nappellalkom biex tkunu selettivi fl-għażla ta’ fejn tirriklamaw. Ma jixraq lill-ebda ditta serja li tforni flusha lil min juża għodda tant b’saħħitha biex ixerred il-mibgħeda.


5. L-aħħar appell inwasslu lill-Qrati tagħna. L-ewwelnett ma jistax jitqies li tkun saret ġustizzja meta każi bħal dawn jieħdu għexieren ta’ snin biex jinqatgħu. Il-malafama hija vjolenza morali li aktar ma jgħaddi żmien minn fuqha akbar ikun l-effett. Hemm bżonn aktar prontezza. U hemm bżonn li l-kundanna tkun tirrifletti l-ħsara li saret.

Għal-lum nieqaf hawn…fl-istess ħin li inħejji ruħi għal ftit żeblieh.

It-Tlieta, 25 ta’ Novembru 2008

Sharon

Sitta, ħames snin ilu l-issue fuq l-aġenda nazzjonali kienet l-UE Dibattitu nazzjonali sħiħ ta’ sentejn jew aktar, li ġie riżolt b-elezzjoni fl-2003. Fuq naħa tad-dibattitu kellek dawk li imbuttaw għal sħubija u fuq in-naħa l-oħra dawk li xtaqu tip ta’ relazzjoni oħra. Fil-fatt huwa għalhekk li kienet issue, għax kellek diverġenza ta’ ħsieb. Kieku kulħadd kien fehma waħda, kieku ma kinietx tkun issue. F’demokrazija l-issues huma l-istimulu għall-ħsieb u d-diskussjoni, li finalment iwaslu lil-poplu biex jiddeċiedi.

Pero` kull min ikkontribwixxa għal dik id-diskussjoni għalija kien strumentali biex il-proċess demokratiku jaħdem kif għandu jaħdem, u kien strumentali biex il-poplu seta' jasal għal deċizjoni. Hekk taħdem id-demokrazija. U l-mertu tad-deċizjoni għandu jmur għal kull min ikkontribwixxa għal dik id-diskussjoni. Ara llum, l-UE m’għadhiex issue. Għaliex ġiet riżolta u għax ġiet aċċettata minn kulħadd.

Diskussjoni llum fuq il-linji ta’ ħames snin ilu fl-opinjoni tiegħi issarraf f’aktar ħsara milli ġid, imma diskussjoni dwar kif kulħadd jista, u għandu, jikkontribwixxi biex id-deċizjoni li ħadna insarfuha f’ġid għal pajjiżna, hija meħtiega. Jekk ħames snin ilu naħa rebħet fuq l-argumenti tan-naħa l-oħra m’għandux ifisser li kull min kien fuq in-naħa telliefa għandu jippakkja u jitlaq mill-pajjiż.

Qed ngħid dan għaliex ħafna fil-PN donnhom li hekk jippretendu. Għalihom Joseph Muscat m’għandux jiftaħ ħalqu fuq l-UE għaliex dak iż-żmien kellu argumenti differenti minn tagħhom. Taqra l-midja tal-PN tarahom jissuġġerixxu li Sharon Ellul Bonnici m’għandhiex tkun aċċettata bħala kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew għaliex fi żmien tad-diskussjoni nazzjonali dwar l-UE kienet tikkampanja, billi tagħti informazzjoni, għal triq differenti minn sħubija. Bl-istess argument allura l-MLP jista ma joħrog lil ħadd għax dak iż-żmien kulħadd fl-MLP kellu argumenti differenti.

Ġejt imnebbah nikteb dan għaliex ma flaħtx nara dawn l-attakki fuq Sharon. Sharon hija mara versatili, inteliġenti, taf b’għajnejha magħluqa kif taħdem l-UE u fl-opinjoni tiegħi tkun kandidata ideali ħafna. Ili nafha bosta snin. Konna kandidati t-tnejn fl-elezzjoni ta’ l-2003 u l-mara, anki jekk għaddewwa mill-infern tad-dinja, tippossiedi determinazzjoni li ma tagħti qatt ruħha b’mirbuħa.

Wenzu

Ma' sieħbi Wenzu Mintoff irrid pubblikament nuri sens ta’ kompassjoni u solidarjeta` wara li membri tal-familja tiegħu sfaw fil-mira tal-kitba imdardra ta’ Daphne Caruana Galizia. Kieku Wenzu safa fil-mira minħabba xi ħaga li seta’ għamel hu, sakemm din tkun relatata ma’ l-attivita` pubblika tiegħu, hija aċċettabbli. Imma li jisfa fil-mira minħabba allegat affarijiet purament privati li seta' għamel ħaddieħor, u li din ir-riferenza ssir unikament biex tferilu s-sentimenti tiegħu, huwa moqżież u inaċċettabbli. U aktar milli hu moqżież il-feriment innifsu hija moqżieża l-awtriċi ta’ dik il-kitba. Għal-lum nieqaf hawn u inkompli darba oħra. Pero` jiżbalja dak l-editur ta’ dik il-gazzetta li qed jagħti pjattaforma lil din il-mara mimlija odju jekk jaħseb li hu m’għandux ukoll toqla xi jġorr fuq il-kuxjenza tiegħu. Dik il-gazzetta jien daqshekk xtrajtha…u darba oħra niftaħha aktar.

Louis

Bħala Maltin għandna għalfejn inkunu kburin li Malti bħalna, l-Ewroparlamentari Louis Grech, kien il-protagonista biex inbotta ‘l quddiem fil-Parlament Ewropew numru ta’ proposti importanti fil-ġlieda dwar it-tibdil fil-klima. Mhux biss ressaq numru ta’ proposti importanti, imma kontra kull previjoni, anki minn ċerti midja hawn Malta, irnexxielu jikkonvinċi u jinfluwenza l-maġġoranza ta’ sħabu l-ewroparlamentari, ġejjin minn liema kull naħa ta’ twemmin politiku, biex f’seduta plenarja jivvutaw favur il-proposti tiegħu.


Min għandu idea ta’ kif jaħdem il-Parlament Ewropew jaf li mhux biżżejjed fil-Parlament Ewropew li jkollok proposti validi biex iġġib l-appoġġ għalihom. Irid ikollok ukoll kuntatt tajjeb u kontinwu biex il-lobbying li jkun għaddej ma thallihx ixekklek, anzi jekk jista’ jkun tużah għall-vantaġġ ta l-ideat tiegħek. Biex tkun f’posizzjoni li tagħmel dan, naturalment, trid tkun persuna li tul il-ħidma tiegħek irnexxielek tiggwadanja rispett wiesgħa minn kulħadd. U seħibna, Malti bħalna, Louis Grech, irnexxielu jibni għalih, u għal pajjiżna ngħid jien, stima, rispett u fiduċja li ftit oħrajn jistgħu jgħidu li jgawdu daqsu. Tant hu hekk li minn parlament ta’ kważi 800 persuna kien hu, Malti bħalna, li intagħzel biex iħejji l-budget ta’ l-UE. Posizzjoni li qeda b’suċċess u b’mod l-aktar amminervoli.

Ħadt ir-ruħ meta dan l-aħħar sirt naf li, kuntrarju għal dak li xebgħu jgħidu fil-midja Nazzjonalista, Louis Grech se jerġa' jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej.

Barack

Barack huwa isem Afrikan. Pronunzjat, maħtuf u miktub Barack sempliċiment biex jiffittja fil-pronunzjatura tal-lingwa Ingliża. L-isem Barack huwa isem imnissel mill-Għarbi. Li jfisser barka. Jiġifieri min jinagħta l-isem Barack ikun qed jissemma l-Imbierek, bil-Malti, jew Blessed, bl-Ingliż.

Barack Obama jista' jkun, u ħafna qed jistennewh li jkun, xiehda ta’ ismu billi jimbotta politika li ddaħħal lid-dinja f’era ta’ barka u sliem. Kontinwament fid-diskorsi tiegħu Obama esprima x-xewqa li l-politika tal-militariżmu tagħmel wisgħa għall-politika tal-paċi u l-ġustizzja. U nissel it-tama fost ħafna li d-dinja tista tkun kapacċ tassew issegwi din it-transizzjoni. Transizzjoni li hu jsejjħilha ‘Bidla’. ‘Bidla li nistgħu nemmnu fiha, u li nistgħu nwettquha.’

F’ħajti kienu bosta dawk li għamilthom eroj tiegħi. Ewlieni fosthom Nelson Mandela li ma nixba qatt naqra, u nerġa naqra, l-awtobijografija tiegħu Long Walk To Freedom. Eroj ieħor f’ħajti kien l-ex mexxej Laburista Ingliż Tony Blair li imbagħad iddeludieni meta ħalla lilu nnifsu jiġi influwenzat wisq mill-politika ta’ Bush. Barack Obama huwa l-eroj il-ġdid ta’ ħajti. Ili nsegwih sa mill-kampanja tiegħu ghal Senatur għal Illinois. Mill-bidu beda juri li hu materjal straordinarju, għalkemm nammetti qatt ma bsart li se jagħmilha daqstant malajr għall-Whitehouse.

Obama huwa kampjun tad-diversita`. Għandu l-abbilta’ li jibni koalizzjoni wiesgħa ta’ nies differenti, b’għeruq differenti. Jaf jikkomunika u juża l-komunikazzjoni biex jgħaqqad. B’hekk irnexxielu jipproġetta lilu nnifsu dak li fil-fatt hu – aġent tal-bidla. U mexxa kampanja organizzata u dixxiplinata marbuta l-ħin kollu mat-tema tal-bidla.


L-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u l-poplu kollu Amerikan li wera tant maturita` f’din l-għażla diversa, huwa issa li tassew għandhom f’ħoġorhom opportunita` li juru li huma potenza fid-dinja. Mhux potenza li toħrog mis-saħħa militari li għandhom, imma potenza għaliex bl-elezzjoni ta’ Obama wettqu ħolma li d-dinja kollha riedet. Lil Obama rieditu d-dinja kollha u issa għandhom l-opportunita` li jibnu fuq l-aspettattiva li d-dinja bniet madwar din il-ħolma ġdida. Huwa issa li tassew għandhom l-opportunita` li juru t-triq. U fiduċjuż li Barack Obama se jkun għalija Nelson Mandela ieħor….u mhux deluzjoni kif kien Blair.

Is-Sibt, 1 ta’ Novembru 2008

Elezzjoni Storika

L-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti ta’ l-Amerka ta’ nhar it-Tlieta li ġejjin hija meqjusa bħala waħda storika. Il-kobor ta’ l-interess pubbliku f’din l-elezzjoni, mhux biss fl-Amerka imma madwar id-dinja kollha, hu wieħed bla preċedent. U l-kampanja feroċi għaliha u l-flejjes li ntefqu fiha huma wkoll bla preċedent. Kienet kampanja intensa, bla waqfien għal kważi sentejn, fejn l-ewwel kellna l-elezzjonijiet primarji taż-żewġ partiti ewlenin imbagħad f’dawn l-aħħar xhur assistejna għall-aħħar sprint finali. Tant kien kbir l-interess li kien hemm numru rekord ta’ ċittadini Amerikani li rreġistraw ruħhom għall-vot għall-ewwel darba, L-akbar numru fosthom huma ċittadini ta’ ġilda skura li fis-snin imgħoddija kienu jabdikaw milli jivvutaw.



Erba’snin ilu fil-ġimgħa ta’ l-elezzjoni nzertajt barra l-pajjiż. Kont ingħalaqt ġurnata u nofs fil-kamra tal-lukanda nsegwi r-riżultati ħerġin stat stat u wara l-programmi ta’ analiżi u diskussjoni li jsegwu. B’koinċidenza l-ġimgħa d-dieħla wkoll se nerġa’ nkun imsiefer,u ninsab ippreparat biex it-Tlieta u l-Erbgħa ningħalaq klawsura biex ma nitlifx mument wieħed minn dan l-avveniment.

Il-ħatra ta’ l-aktar bniedem b’saħħtu fid-dinja, mħux biss għaliex ħija l-akbar ħatra ta’ poter fid-dinja politika imma wkoll għaliex din il-persuna se tkun il-ċommander in ċħief ta’ l-unika super-potenza militari li fadal, għandħa tinteressa lilna daqs kemm tinteressa lill-Amerikani. Bi preparazzjoni għal dan l-avveniment għalħekk iddeċidejt li llum nagħti ftit tagħrif, mill-aħħar tagħrif li ħiereġ, liema tagħrif wieħed għandu jsibu utli biex isegwi aħjar l-aħħar jumejn tlieta ta’ din il-kampanja.

Mill-figuri ta’ diversi stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li qed jiġu ppubblikati, kemm dawk li qed isiru stat stat kif ukoll dawk li qed isiru fuq skala nazzjonali, wieħed għandu għalxiex jassumi li jekk f’dawn l-aħħar siegħat ma jiġri xejn staordinarju, bħal xi attakk terroristiku fuq l-Istati Uniti, Barack Obama mhux biss se jirbaħ din l-elezzjoni imma jista’ wkoll jirbaħ b’mod komdu u konvinċenti. U minkejja li l-aħħar stħarrig qed jindika li McCain naqqas id-distakk minn mar-rival tiegħu xorta waħda Obama għandu vantaġġ nazzjonali li jvarja bejn erba’ u sitt punti perċentwali.

Aktar minn hekk, il-miraklu li għandu bżonn McCain huwa aktar diffiċli li jseħħ meta nafu li l-elezzjoni fl-Istati Uniti ma tiġix deċiza b’vot popolari fuq skala nazzjonali. Fis-sistema Amerikana kull stat għandu abbinat miegħu numru ta’ voti fil-Kulleġġ ta’ l-Eletturi. Issir elezzjoni f’kull stat. U r-rebbieħ ta’ kull stat jieħu l-voti kollha li jġorr dak l-istat fil-Kulleġġ ta’ l-Eletturi. Jidher li minn 52 stat, 42 huma deċizi diġa b’mod ċar lejn naħa jew oħra. Minn dawn l-istati Obama jidher li hu assigurat minn 235 vot fil-Kulleġġ ta’ l-Eletturi filwaqt li McCain għandu rasu mistrieħa biss minn 163 vot. L-għaxar stati l-oħra, għalkemm Obama jidher li għandu vantaġġ f’kull wieħed minnħom, id-distakk mhux daqstant ċar u allura għadhom meqjusin dubjużi. Biex kandidat jigi dikjarat rebbieħ għandu bżonn 270 vot fil-Kulleġġ ta’ l-eletturi. Jiġifieri Obama jonqsu 35 vot. Florida waħidha ġġorr 27 vot u Ohio 21 vot. Dawn huma tnejn mill-aktar stati fejn il-kandidati jinsabu viċin.


Bażikament, biex jikkanċellaw l-iżvantaġġ li għandhom u jirbħu l-elezzjoni McCain u r-Repubblikani għandhom bżonn jirkupraw 2% tal-voti fl-istat ta’ Florida, 2% oħra fl-istat ta’ North Carolina, 2% fl-istat ta’ Indiana, 2% fl-istat ta’ Missouri, 5% fl-istat ta’ Ohio, 5% fl-istat ta’ Nevada, u 8% fl-istat ta’ Virginia. Ilkoll stati dawn li kienu f’idejn ir-Repubblikani u li Obama qed jirnexxielu jxaqlibhom lejh. Barra minn hekk, għandu bżonn ukoll McCain iżomm vantaġġ ta’ 4% li għandu fl-istat Repubblikan ta’ Georgia, u jara kif jisraq lid-Demokratiċi wieħed mill-istati tagħhom ta’ Pennsylvania, Colorado, Iowa u New Mexico. Sinċerament ma nafx liema bakketta maġika tista’ twettaq din il-formula komplessa li għandhom bżonn ir-Repubblikani.

Biss biss, biex iġibu lura Virginia fil-kolonna Repubblikana għandhom bżonn jirkupraw żvantaġġ ta’ 8%, u biex jisirqu Pennsylvania mill-kolonna tad-Demokratiċi għandhom bżonn jirkupraw żvantaġġ ta’ 11%. U magħhom l-istati l-oħra kollha li semmejna. Altru milli miraklu. Barack Obama qiegħed biss tliet ijiem bogħod milli jikteb l-istorja billi jsir l-ewwel President b’ġilda skura fl-Istati Uniti.. U qiegħed b’seba’ għajnejn li ma jagħmilx żbalji għax jaf li l-elezzjoni jista jitlifha biss jekk juri ċerta kompjaċenza u kunfidenza żejda, jew jekk jagħmel xi żball oħxon. Din hi elezzjoni li qatt m’għandha tintilef. Ir-Repubblikani zmienhom għamluħ u n-nies hija għatxana għall-bidla.

L-exit polls fost dawk li għazlu li jivvutaw kmieni, għax fl-Amerka teżisti l-faċilita’ li wieħed jista jixħet il-vot tiegħu kmieni waqt il-kampanja, juru li Obama għandu l-appoġġ tal-maġġoranza fost dawk li għamlu użu minn din il-faċilita’.

Sadanittant stħarriġ ieħor jindika li għad fadal madwar 6% tan-nies li għadhom indeċizi x’se jivvutaw. Normalment wħud minn dawn jispiċċaw jivvutaw lil xi kandidat indipendenti. Ralph Nader, kandidat indipendenti kważi f’kull elezzjoni u li se jerġa’ jikkontesta, fis-sena 2000 kien ġab biżżejjed voti f’Ohio biex tellef dan l-istat lil Al Gore biex b’hekk President kien laħaq George W. Bush. Imma anki hawn Obama jidher li sab triq kif jidħol. Stħarriġ fost dawk li irreġistraw lilhom infushom bħala indipendenti juri li Nader naqqas il-popolarita’ a spejjeż ta’ Barack Obama.


Aspett ieħor li qiegħed jissemma ħafna f’din l-elezzjoni huwa l-fattur tal-Bradley effect. X’ikun dan il-Bradley effect? Huwa fenomenu li seħħ f’aktar minn okkażjoni waħda kull meta kandidat abjad kien kontestat għal xi elezzjoni minn kandidat ta’ kulur. Qatt ma ġara hekk f’elezzjoni presidenzjali għaliex din hi l-ewwel darba li kandidat abjad huwa kontestat minn wieħed ta’ kulur f’elezzjoni presidenzjali. Imma f’elezzjonijiet biex jinħatar governor ta’ xi stat kien fenomenu li feġġ f’ħafna okkażjonijiet. Nies ta’ ġilda bajda, meta jkunu avviċinati minn xi kumpanija ta’ l-istħarriġ tal-fehma pubblika, jiddikjaraw li se jivvutaw lill-persuna skura sempliċiment biex jidhru li huma persuni tolleranti, imma mbagħad meta jkunu weħidhom jivvutaw jagħmlu propju l-oppost. Ġrat l-ewwel darba fl-1982 meta kandidat ta’ ġilda skura bl-isem ta’ Tom Bradley ikkontesta kandidat abjad għal governor f’California u minkejja li deher li kellu vantaġġ komdu ħafna fil-konfront tal-kontestant l-ieħor spiċċa tilef l-elezzjoni bil-kbir. Minħabba f’hekk kull stħarrig f’din l-ewwel elezzjoni presidenzjali bejn abjad u iswed jista’ ma jkunx korrett daqs kemm kien korrett f’kull elezzjoni preċedenti. Madankollu analisti politiċi jargumentaw li dan il-fenomenu tul is-snin naqqas mill-forza tiegħu u l-aktar li jista’ jkollu effett huwa ta’ 2%. Li jistgħu ma jkunux biżżejjed għal McCain.

Intant, nippreparaw ruħna għal nhar it-Tlieta u naraw.

Il-Ħadd, 19 ta’ Ottubru 2008

$71-il Barmil

Fl-aħħar erba’ ħames xhur ma kienitx tgħaddi ġurnata waħda li ma konniex niġu mfakkra li l-isplużjoni ‘il fuq tal-prezz taż-żejt donnu ma jista jżommha ħadd. Tgħidx kemm stagħġibt meta l-prezz qorob lejn il-$100 dollaru-il barmil. Imbagħad $110 qalulna. Imbagħad qabeż il-$120. U kompla sejjer sakemm saħansitra tela’ sa $147. Kuljum jaġġornawna bil-prezz il-ġdid. U magħhom iżidulna l-aġġornamenti tal-prezz dejjem jogħla tal-petrol u d-diesel għall-konsumatur, kif ukoll it-tariffi aġġornati tas-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.


F’dawn l-aħħar ħmistax-il ġurnata l-prezz taż-żejt beda jaqa kuljum. U issa barmil żejt qiegħed jinbiegħ għall-prezz ta’ $71. Jiġifieri waqa b’aktar min-nofs. Imma ħaġa ta’ l-iskantament l-aġġornamenti li kienu qed jagħtuna meta l-prezz kien qed jisplodi ‘l fuq issa xxuttaw. Bħal donnu li hi aħbar li l-prezz qed jogħla, imma mhix aħbar meta dan jibda jorħos.

Huwa aktar ta’ l-iskantament il-fatt li meta tara l-aħbarijiet fuq stazzjonijiet barranin ssib li l-prezz tal-petrol u d-diesel għall-konsumatur qiegħed jirrifletti r-roħs li hemm fis-suq, imbagħad f’Malta dan mhux talli mhux qed jiġri talli l-prezzijiet baqgħu għoljin daqs li kieku l-prezz taż-żejt għadu $147 il-barmil.


Naħseb li bħala konsumaturi jimmeritana spjegazzjoni. X’inhi r-raġuni li l-konsumatur Malti m’huwiex trattat bħal dak Ingliż, Taljan, Franċiż u Ġermaniż?

Ħaddiema Żejda

Dan l-aħħar il-Ministru Austin Gatt qalilna li L-Enemalta għandha magħha ħafna ħaddiema żejda. Mhix xi ħaġa ġdida. Smajniha kemm-il darba. U f’diversi intrapriżi li kellu sehem jew għad għandu sehem fihom il-Gvern.


Li jiskantani hu kif kull politiku jiġi quddiemna bla mistħija ta’ xejn u jippretendi li jimpressjonana li qed jagħmel xogħlu għax sempliċiment jiddikjara li hemm in-nies żejda. Sa fejn naf jien ħadd ma jaqbad u jimpjega lilu nnifsu. L-ebda ħaddiem m’għandu l-poter li jdaħħal lilu nnifsu f’xi intrapriża hi liema hi. Xi ħadd dawn in-nies impjegahom hu. U wara 21 sena fil-Gvern il-PN żgur ma għadx fadallu l-iskuża li dawn impjegahom il-Gvern ta’ qablu. F’21 sena daħlu skoss nies oħra huma. U dan barra l-bambin biss jaf kemm mietu nies u oħrajn spiċċaw bl-eta’.

Jiġifieri, f’kelma waħda, huma l-politiċi l-aktar nies responsabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawn. U probabli l-istejjer li nstemgħu ta’ ingaġġi ta’ nies bl-addoċċ fil-Freeport u fl-M.I.A. xi ftit verita’ fihom hemm ukoll. U tara xejn xi darba għad jitfaċċa xi Ministru ċdid jitkaża bin-nies żejda f’dawn l-ażjendi.

Ivvintat mill-Ġdid

Meta kollox beda jindika li l-Prim Ministru Ingliż Gordon Brown u l-Gvern li jmexxi beda t-triq 'l isfel, u meta ma seta xejn jiġi tajjeb għal Brown tant li Cameron, il-Kap tal-Konservattivi Ingliżi, beda jidfnu fil-popolarita’, faqqet din il-kriżi finanzjarja u Gordon Brown ivvinta mill-ġdid lilu nnifsu. Hekk hi l-politika. Ġimgħa tista tkun tfisser ħafna. Ġimgħa taf tibdel kollox.

Fil-fatt Gordon Brown, mgħejjun mill-fatt li kien wieħed mill-aħjar Chancellor of the Exchequer li qatt kellu r-Renju Unit, kif faqqet din il-kriżi bankarja dinjija ħa f’idejh ir-rwol ta’ mexxej ewlieni u nistgħu ngħidu li qed jispikka fuq il-mexxejja kollha ta’ l-Ewropa u lil hinn minnha. Mix-xejn trasforma ruħu bħala World Leader. U kriżi bħal din spiċċa dawwarha favurih. Min ħaseb li Brown kien midfun u lest mar imqarraq u f’mument fejn il-kriżi tidher li mhux se tkun waħda qasira kollox jindika li dan il-mument popolari għalih personli se jitwal. Ħafna ċittadini tar-Renju Unit qed jaraw fih il-bniedem perfett fil-mument li għaddejja minnu d-dinja. Dan meta sa ftit tal-ġimgħat ilu l-pożizzjoni tiegħu kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala mexxej tal-Partit Laburista Ingliż kienet meqjusa kif jgħidu l-Ingliżi in the balance.

Sadanittant nidħak nara l-aħbarijiet f’Malta u nisma lill-Prim Ministru tagħna jgħid li pajjiżna huwa l-uniku pajjiż li ma ġiex affettwat b’din il-kriżi. Jgħid li l-affarijiet f’pajjiżna huma tajbin. U jgħid ukoll li dan grazzi għall-fatt li llum aħna membri ta’ l-U.E. u ż-żona ewro. Grazzi wkoll jgħid għas-sistemi tajbin li għandna u l-politika ġusta li biha jimxi l-Gvern tiegħu. Jgħid li kieku ma kienx hekk kien jiġrilna bħall-Islanda. Issa sa fejn naf jien Franza, l-Italja, il-Belġju, u l-Ġermanja, fost oħrajn, huma wkoll membri ta’ l-U.E. u jinsabu fiż-żona ewro… u intlaqtu waħda sew. Imma li jbellahni f’dan kollu hu li la darba aħna daqshekk tajbin, u la darba bħalna m’hawnx, kif il-mexxejja tad-dinja ma bagħtux għalina ħalli nsolvu l-problemi kollha tad-dinja? Jaħasra għadhom ma jafux bina!!

Il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru 2008

Biden VS Palin

- Artiklu miktub fl-01 ta' Ottubru 2008 -

Bdejt nikteb dan l-artiklu l-bieraħ fl-4.30 ta’ filgħodu appena spiċċa l-uniku dibattitu televiżiv bejn iż-żewġ sfidanti għall-kariga ta’ Viċi President ta’ l-Istati Uniti, Joe Biden u Sarah Palin. Bħalissa bis-sehem ta’ numru ta’ anilisti politiċi Amerikani se jibda programm li janalizza il-wirjiet tat-tnejn fl-imsemmi dibattitu. Nixtieq insegwih, imma jekk nagħmel dan l-Editur jibqa' mingħajr il-kolonna tiegħi.

Bla dubju ta’ xejn dan kien l-aktar dibattitu bejn il-kontendenti għal Viċi President li qatt qajjem interess pubbliku. L-istennija għalih kienet waħda tremenda. Kien pronostikat li dan id-dibattitu kellu jattira miljuni ta’ telespettaturi Amerikani, probabbilment jeċċedu fin-numru anki dawk li segwew l-ewwel dibattitu bejn Obama u McCain. Naturalment magħhom trid iżżid miljuni oħra minn madwar il-globu. Fl-opinjoni tiegħi ż-żewġ kontendenti irreaġixxew b’mod mill-aktar onorabbli għal din l-aspettattiva għaliex irregalawlna dibattitu mill-aqwa. Ngħid għalija ma jiddispjaċini xejn li kelli mbakkar daqshekk kmieni.

Intant, kieku kellu jaqa’ fuqi l-kompitu li niddikjara r-rebbieħ ta’ dan id-dibattitu, minkejja li Biden mar xi ftit aħjar, insibha ftit diffiċli biex nasal biex niddikjara lil Palin telliefa. Pero ma nsibha xejn diffiċli biex nidentifika l-akbar tellief. Anzi mhux tellief, imma telliefa. Fl-opinjoni l-akbar telliefa minn dan id-dibattitu kienu John McCain u l-Partit Repubblikan

Sarah Palin daħlet għal dan id-dibattitu tbati minn perċezzjoni pubblika xettika dwar il-kapaċitajiet tagħha u dwar in-nuqqas ta’ esperjenza tagħha f’dan il-livell. Ħafna bdew ipinġuha li mhix ta’ materjal biżżejjed. Appellabbli kemm trid, imma inkapaċi.. Daħlet għal dan id-dibattitu b’kompitu diffiċli li tgħolli r-reputazzjoni tagħha. Il-prestazzjoni tagħha għenet mhux ftit il-kawża tagħha. F’dan ir-rigward rebħet. U mhux naqra. Mill-banda l-oħra pero, biex setgħet tagħmel dak li għamlet, issagrifikat il-missjoni primarja li wieħed jistenna f’dibattitu bħal dan mill-kontendent għal Viċi. Ċioe’ dik li jattakka lill-kandidat presidenzjali tal-partit oppost u jiddefendi lill-kandidat presidenzjali tal-partit tiegħu.

Minn naħa tiegħu Joe Biden, tattikament rebaħ dan id-dibattitu għaliex filwaqt li ma fixkel xejn lil Palin mill-missjoni personali tagħha, tant li ma attakkaha fl-ebda ħin, immartella lil McCain, lil Bush, u lil Cheney, b’abbilta’ kbira imma b’manjiera mill-aktar prudenti, mirquma, u pulita. Il-vera ġurdien xiħ.

Palin rebħet l-isfida personali tagħha, imma Biden rebaħ punti prezzjużi għad-Demokratiċi.

Domino Finanzjarju

- Artiklu miktub fl-01 ta' Ottubru 2008 -

Il-kollass tas-sistema finanzjarja Amerikana, li bħad-dominoes istituzzjoni finanzjarja qed twaqqa’ lill-oħra, ġabet konsegwenzi globali li ma jistax ikun li ma jaffettwawx lilna wkoll.


Bdejna s-sena l-oħra bin-Northern Rock fir-Renju Unit. Segwew ftit tal-ġimghat ilu l-ażjendi Freddie Mac u Fanny Mae fl-Istati Uniti. Ġranet wara d-domino heżżet lil Lehman Brothers. Imbagħad il-kumpanija ta’ l-Assikurazzjoni A.I.G. ġimgha ilu smajna bil-Washington Mutual fl-Istati Uniti u Bradford and Bigley fir-Renju Unit. U din il-ġimgha smajna bil-bank Franko-Belġjan Dexia.

L-Amministrazzjoni Bush ipproponiet pjan ta’ salvazzjoni li se jiswa lil min iħallas it-taxxa s-somma ta’ $700 Biljun. Somma li tfisser kwart ta’ l-ispiża annwali li s-soltu jkollu l-Gvern Amerikan. Spiża li se jġorr il-poplu biex jagħmel tajjeb għall-iżbalji li saru fil-privat. Madankollu, li kieku l-Gvern ma jintervjenix, il-konsegwenzi jkunu devastanti aktar.

It-tagħlima minn dan kollu hi waħda. Is-sistema kapitalista, meqjusa minn kulħadd li hi l-aktar waħda li rnexxiet, mhix perfetta jekk ma tkunx regolata. U jekk tfalli twassal għal kollass devastanti. Li jwassalni għall-ħsieb finali. F’sistema kapitalista hija dagħwa li l-Istat jinterferi….imma dan m’għandu qatt jiġi interpretat li l-Istat m’għandux jintervjeni. Il-mekkaniżmi regolatorji issa hu ppruvat li ma kienux biżżejjed.

Appoġġ mill-Istudenti

- Artiklu miktub fl-01 ta' Ottubru 2008 -

Laqatni ħafna appell li għamel lill-istudenti l-President ta’ l-MUT is-Sur John Bencini kmieni din il-ġimgħa.

Is-sur Bencini, meta kien qed jitkellem dwar il-kwistjoni li l-unjin tiegħu kellha mal-Gvern dwar l-istaff akkademiku ta’ l-Universita’, ġie rrappurtat li qal hekk: “Nappellaw biex l-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istudenti jagħtu appoġġ ċar lill-istaff akkademiku f’din il-kwistjoni.”

Interessanti. Interessanti ħafna. U interessanti aktar il-fatt li Bencini ħass li tali appoġġ kellu jitkarrab għalih. U la tkarrab għalih ifisser li ma tantx kellu ħjiel li dan se jasal waħdu. Ma kienx ikollu tilwima ma Gvern Laburista u jkun jinħtieġlu lill-istudenti jagħmlilhom tali appell.

F’tali ċirkostanza tali appoġġ kien jiġi b’mod immedjat mingħajr il-ħtieġa li jitkarrab għalih. U fost ta’ quddiem nett kien isib jinstigaw lill-istudenti sħabhom, lill-ulied il-Ministri u l-Prim Ministru. Mhux biss imma kien jarahom fuq quddiem fit-toroq imexxu l-kruċjata huma u hu jista joqgħod jistrieħ fuqhom.

Milli jidher, meta Bencini għamel l-appell tiegħu, quddiemu fil-miġemgħa ma kienx hemm studenti. Min jaf? Kieku forsi kien iqum xi wieħed minnhom u fil-preżenza ta’ ommu jghidli “f*** **f”.

Tsipi Livni

- Artiklu miktub fl-29 ta' Settembru 2008 -

Il-partit politiku fil-Gvern Iżraeljan Kadima din il-ġimgħa ħatar lil Tsipi Livni, 50sena, omm ta’ żewġ ulied, bħala l-mexxej suċċessur il-ġdid tal-partit, u fi ftit tal-ġimgħat oħra mistennija tieħu postha bħala Prim Ministru minflok Ehud Olmert.

Il-ħatra ta’ Livni hija aħbar tajba, imma t-telfa tal-Ġeneral Mofaz, li kien qiegħed jimbotta politika aktar militanti u saħansitra jhedded li jista jattakka lill-Iran, tagħmel ir-rebħa ta’ Livni aħbar aktar tajba. Livni minn persuna ultra Nazzjonalista, wara perjodu bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin resqet aktar lejn pożizzjoni moderata. It-trasformazzjoni tagħha waslet sal-punt li llum temmen fermament f’politika li twassal għal koeżistenza Għarbija/Lhudija.

Illum Livni hija meqjusa internazzjonalment bħala pedina importanti fil-proċess ta’ paċi. Għandha rapport tajjeb ħafna ma Mahmoud Abbas. U hemm sinjali li tista taħdem tajjeb ukoll ma Bashar al Assad. Il-problema għaliha madankollu tibqa dejjem il-Hamas. Dawn diġa ddikjaraw li l-ħatra tagħha mhu se twassal għall-ebda bidla.

Wieħed jittama li dak li ma rnexxielu ħadd jagħmel f’għoxrin sena, tagħmlu Livni…ftehim ta’ paċi dejjiemi mal-Palestina. Fl-opinjoni ta’ ħafna, jien wieħe minnhom, ma tista qatt id-dinja sserraħ rasha mill-inkwiet jekk ma tiġix riżolta l-kwistjoni tal-Palestina. Ħafna mit-trewwih fundamentalista reliġjuż madwar id-dinja jaf l-għeruq tiegħu lil din il-kwistjoni għax hemm min qed jinqeda biha għal skopijiet oħra. La darba tiġi riżolta l-kwistjoni Palestina, qisu wieħed skonnettja l-fuse minn mal-qalba ta bomba devastanti li tista tieħu ħin bla waqt.

Awguri Livni. Awguri Iżrael. Awguri Palestina.

Il-Protettur Brown

- Artiklu miktub fl-29 ta' Settembru 2008 -

Il-Prim Ministru Ingliż Gordon Brown jista, u hekk hu fil-fatt, għaddej minn żmien mill-aktar diffiċli. Il-Partit Laburista Ingliż qed jaqta’ lura ħafna, u ilu jaqta’ lura ħafna, fil-popolarita’. Brown qed jiffaċċja tgergir intern li qatt ma kien hemm bħalu fil-partit. Qed jiffaċċja riżenji u qed jiffaċċja sfidi għat-tmexxija tiegħu meta kellu talbiet biex iħalli l-post ta’ mexxej.

Madankollu ammirajtu ħafna dan l-aħħar meta f’intervista li saritlu fuq stazzjon popolari televiżiv Ingliż, liema intervista segwejt b'interess kbir, huwa irrifjuta li jdaħħal l-familja tiegħu fid-diskussjoni, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu t-tfal. Huwa saħansitra jipproteġihom billi jirrifjuta li jkunu fotografati anki f’ambjenti u akkazzjonijiet soċjali li jkollhom.



Ammirajtu għaliex kuntrarju għal dak li kien jagħmel il-mexxej ta’ qablu, u kuntrarju għal dak li qed naraw iseħħ fil-kampanji politiċi li għaddejjin fl-Amerka, fejn it-tfal tal-politiċi jitqiesu bħala oġġett propagandistiku, Brown irid li uliedu jkollhom l-ispazju tagħhom. Brown jgħid li m’għandhomx ikollhom invażjoni f’ħajjithom. Jgħid li huwa hu li għażel li jidħol fil-politika u mhux uliedu. Mela huwa hu li għandu jkun skrutinizzat u mhux uliedu. Qal li uliedu għandhom dritt li jħossuhom tfal sakemm għadhom tfal. Għandhom dritt ikollhom rapport mal-ħbieb tagħhom bħal tfal oħra. U jibnu dan ir-rapport skond il-ħila tagħhom mhux skond ulied min huma. Qal li invażjoni mill-midja ma tħallihomx jibnu dan ir-rapport, u talab li uliedu jitħallew fil-kwiet.


Kemm għandhom x’jitgħallmu Sarah Palin u Barack Obama f’dan ir-rigward.

Ittra tal-Mistħija

- Artiklu miktub fl-29 ta' Settembru 2008 -

Ġibditli l-attenzjoni ittra minn qarrej ta’ dan il-ġurnal li ġiet ippubblikata fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħamis.

Xi ħadd ġibed l-attenzjoni li ħlas li kien dovut lill-Pulizija għal xogħol sahra li għamlu mal-banek f’Jannar meta seħħet il-qalba għall-ewro, għadu ma sarx. Qed nitkellmu disa’ xhur wara. Inġibdet l-attenzjoni wkoll li ħlas għal xogħol sahra li sar waqt l-elezzjoni ġenerali għadu ma sarx lanqas, meta qed nitkellmu sitt xhur wara.

Nixtieq nistaqsi kemm-il stonku hawn li jiflaħ joqgħod sitt xhur u disa’ xhur mingħajr ma jitrejjaq? Allaħares l-istonku tad-dipendenti kollha ta’ dawk li għandhom jirċievu dan il-ħlas kien jiddependi fuq dan il-ħlas għax kieku mietu kollha bil-ġuħ.

Nixtieq nistaqsi kemm-il Ministru, Segretarju Parlamentari, Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali, jew Direttur idum disa’ xhur biex jieħu ħlas li jkun dovut li jieħu?

Il-Konvenzjoni ta' Paul

- Artiklu miktub fl-06 ta' Settembru 2008 -

Lura għall-politika Amerikana li bħalissa qed insegwi bil-kbir. Mhux biss kien x’għaddej fil-Konvenzjonijiet rispettivi imma anki lil hinn.

Kongressista Amerikan minn Texas, Ron Paul, li kien ukoll wieħed mill-kandidati Presidenzjali fl-elezzjonijiet primarji Repubblikani, għażel din il-ġimgħa li jsejjaħ Konvenzjoni għalih – ir-Republican Counter-Convention. Saret nhar it-Tlieta meta fil-Konvenzjoni Repubblikana sar l-intervent qasir awdjo-viziv ta’ Bush. Attendew ghall-Konvenzjoni ta’ Ron Paul 15,000 ruħ.



Ron Paul jagħmilha ċara li m’huwiex kuntent bil-politika attwali tal-Partit Repubblikan. Qed jitlob li l-partit jirritorna għall-għeruq ideoloġiċi tiegħu. Qed jgħid li jekk l-alternattiva għas-Soċjaliżmu tad-Demokratici ta’ Obama huwa l-faxxiżmu ta’ Bush u McCain, allura għandna gwaj kbir jistenniena.

Ron Paul qed jgħid li mhix l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Partit Repubblikan imma li juża l-fazzjoni li tappoġġjah biex jinfluwenza l-Partit Repubblikan biex jibdel ir-rotta u ma jkomplix jersaq lejn politika tal-lemin estrem. Wieħed jistenna x’se jiġri. Imma ma tkunx sorpriża li Paul jittanta xi avventura għal rasu u jikkontesta xorta waħda f’Novembru li ġej.

Fadalli x'noffri

- Artiklu miktub fl-06 ta' Settembru 2008 -

Bqajt imbellaħ u imnixxef meta dan l-aħħar iċ-Chairman tal-Malta Tourism Authority Sam Mifsud konfrontat minn ġurnalista, wara li kien għadu kif stqarr li għalih l-ambjent m’huwiex prijorita’ għall-qasam tat-turiżmu, u wara talbiet li kien hemm għar-riżenja tiegħu, wieġeb li m’għandux intenzjoni li jirriżenja minn Chairman ta’ l-MTA għaliex iħoss li fadallu x’joffri.

Bqajt imbellaħ u imnixxef aktar meta qist li l-ereżija ta’ dikjarazzjoni li għamel Mifsud dwar jekk l-ambjent mhux prijorita’ għat-Turiżmu, għamilha fil-kuntest tal-kawża li għaddejja fil-Qorti in kwistjoni mal-każ skandaluż tal-Mistra, u dan biex ikun ta’ spalla għal xi ħadd li għaddejjin proċeduri kontrih. Huwa tal-mistħija aktar li Mifsud dan għamlu mhux biss biex jiddefendi ir-rapport li sar mill-MTA rigward l-applikazzjoni għal diskoteka fil-Mistra, liema rapport ma ħa l-ebda konsiderazzjoni ambjentali, imma agħar minn hekk ipprova jiġġustifika l-bini ta’ diskoteka billi jgħid li t-trammuntana tal-pajjiż hija nieqsa minn stabbilimenti ta’ divertiment meta m’huwiex il-każ.

Quddiem dan kollu tagħmel ħafna sens it-talba għar-riżenja tiegħu. Li ma jagħmilx sens hu li joħroġ hu u jgħid li m’għandux intenzjoni li jirriżenja għaliex għad fadallu x’joffri. F’sitwazzjoni bħal din, jekk wieħed għandux x’joffri aktar jew le mhux l-individwu konċernat għandu jaraha. Ħaddiehor. F’sitwazzjoni bħal din l-irġulija titlob riżenja. Imma le, donnha saret moda f’dan il-pajjiż tweġiba bħal din. Kull min ikollu talba biex jirriżenja iwieġeb li fadallu x’joffri. Bħal dak li qallu qatt miet Papa u l-Knisja ma tellgħetx ieħor. Bħal dak li qallu l-kwalitajiet ta’ dak li jkun huma tant uniċi li ma ssibhom f’ħadd iktar. Fejn hi l-etika professjonali? Fejn huma l-korrettezza, it-trasparenza, u l-akkontabilita’?

Il-fatt jibqa wieħed. Min jiżbalja hu mistenni minnu li jerfa r-responsabbilta’ ta’ l-iżbalji li jagħmel. Min jiżbalja u ma jerfax responsabbilta’, anzi jibqa’ jirreżisti kull talba li ssirlu, f’għajnejja huwa bniedem arroganti.

Distanza ta' Konvenjenza

- Artiklu miktub fl-06 ta' Settembru 2008 -

Biż-żewġ Konvenzjonijiet Nazzjonali tal-partiti Amerikani magħluqa, dik tad-Demokratiċi l-ġimgħa l-oħra u tar-Repubblikani din il-ġimgħa, issa jinagħta bidu għall-aħħar sprint tal-kampanja li twassal tmien ġimgħat oħra għall-elezzjoni Presidenzjali tant mistennija.

B’George W. Bush ma jistax jerġa jikkontesta għaliex serva t-tieni term tiegħu, ir-Repubblikani fl-elezzjonijiet primarji li saru aktar kmieni din is-sena nnominaw lill-veteran John McCain bħala l-kandidat Presidenzjali tagħhom. Huwa se jiffaċċja lill-popolari avukat iswed Barack Obama li huwa l-kandidat nominat f’isem id-Demokratiċi.

John McCain u l-konsulenti Repubblikani tiegħu jafu tajjeb li t-tmien snin ta’ Bush m’humiex ta’ għajnuna fl-aspirazzjonijiet tagħhom għal erba’ snin oħra fil-Whitehouse. Bush m’huwiex figura popolari. Jafu li l-gwerra fl-Iraq, u l-kontroversji kollha li rriżultaw minnha, ma tistax tifridhom minn George Bush. U lanqas tista tifred ir-rekord ekonomiku ħazin li se jħalli warajh. Allura rraġunaw li l-uniku mod kif ma jitgħabbewx bid-dnubiet u n-nuqqas ta’ popolarita’ ta’ Bush huwa li jallontaw ruħhom minnu. Jitbiegħdu. Iżommu distanza.

Din it-tattika kienet evidenti ħafna nhar it-Tlieta fit-tieni jum tal-Konvenzjoni Nazzjonali Repubblikana. Qatt ma nżammet konvenzjoni ta’ partit politiku Amerikan li jkollu f’idejh il-Presidenza Amerikana u l-President ikun assenti minnha. George W. Bush fl-erbat ijiem tal-Konvenzjoni ma kien preżenti qatt fis-sala. L-uniku intervent li għamel kien indirizz qasir ta’ tmien minuti minn 900 mil il-bogħod, li għamlu permezz ta’ video link mill-Whitehouse.

John McCain ried jibgħat messaġġ li qiegħed jiddistanzja ruħu minn Bush. Fl-opinjoni tiegħi pero din hi biss distanza ta’ konvenjenza. Bush u McCain huma prodott simili mnebbħa mill-istess ħsibijiet u miri. Hija biss tattika politika. Mossa li tintuża sikwit. Mhux fl-Amerka biss. U l-iskop ikun li jiġu ngannati n-nies. Taparsi ma jaqblux…imma jkunu ħaġa waħda. Taparsi ma jarawx għajn m’għajn…imma jkunu ħbieb tal-qalb. Taparsi differenti…imma jkunu kopja ta’ xulxin. Taparsi flimkien ma jaħdmux…imma ma joqgħodux wieħed mingħajr l-ieħor. Politika tat-teatrini.

Tat-Tarzna u l-Kummissarju Spidla

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Nagħti applaws kbir u xieraq lill-Alternattiva Demokratika li kitbet lill-Kummisarju għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali ta’ l-Unjoni Ewropeja Vladimir Spidla biex jinvestiga jekk il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fir-rigward tat-Tarzna u l-impjegati tagħha tmurx kontra d-Direttiva ta’ l-U.E. numru 2001/23EC, liema direttiva llum saret parti integrali mill-liġijiet ta’ Malta. Din id-direttiva tgħid ċar x’inhuma l-obbligi soċjali li jridu jitħarsu fil-konfront tal-ħaddiema meta jkun hemm bdil ta’ idejn ta’ xi azjenda. Tgħid ċar li l-ħaddiema huma parti integrali mill-kumpanija li tkun se tinbiegħ, u min jixtri jrid jieħu lilhom ukoll u mhux jilliċenzjahom. Bil-miżuri li qiegħed jipprova jieħu l-Gvern dawn l-obbligi m’humiex jiġu rispettati, anzi qiegħed jagħmel minn kollox biex jiżloq mill-obbligi tiegħu.

Id-Dippressjoni

- Artiklu miktub fl-23 ta' Awwissu 2008 -

Qrajt dan l-aħħar li sas-sena 2020 il-mard bid-dipressjoni se jkun l-iktar mard komuni fid-dinja. Qrajt ukoll li preżentament hu stmat li f’pajjiżna hawn aktar minn 10% tal-popolazzjoni li tbati minn mard ikkawżat minn dippressjoni. Li jfisser li f’pajjiżna għandna aktar minn 40,000 persuna marida. Il-problema hija akbar meta hu magħruf li minħabba stigma ħafna minn dawk li huma morda ma jersqux ‘il quddiem għall-kura. U hija akbar meta hu magħruf ukoll li konsegwenza ta’ tali mard ibatu l-membri l-oħra kollha tal-familja.


Fl-opinjoni tiegħi din hi sitwazzjoni li hemm ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata. 40,000 persuna milquta jfisser li m’hawnx familja waħda f’pajjiżna, fil-qrib jew mhux daqstant fil-qrib, li b’xi mod m’għandhiex lil xi ħadd maqbud fil-problema. Ifisser mela li hija problema nazzjonali.

Imma milli jidher huma biss id-69 familja tal-membri parlamentari li huma ħielsa għal kollox minn tali gwaj!