It-Tnejn, 14 ta’ Lulju 2008

Dixxiplinati - Organizzati - Effettivi

Dan iż-żmien eċċitanti ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit Laburista, imbuttat qabel kulħadd mill-Mexxej innifsu Joseph Muscat, qed jindika minn daqshekk kmieni li dan il-partit mhux fi żmien wisq il-bogħod se jkun qiegħed jissetja aġenda għalih li ma jgħaddix wisq żmien li l-pajjiz ukoll ma jagħmilhiex aġenda tiegħu.

Joseph Muscat, bi kliemu u b’għemilu, qed jibgħat diversi messaġġi li jrid partit miftuħ. U bir-raġun. Għaliex dan il-partit għandu bżonn jiftaħ u jinfetaħ. Għandu bżonn jiftaħ beraħ il-bibien kollha tiegħu ħalli aktar nies iħossuhom komdi jidħlu ġewwa. Għandu bżonn jiftaħ l-istrutturi tiegħu ħalli demm ġdid jitħallat ma' dak eżistenti. U jiftaħ id-diskussjoni ħalli l-ideat li hemm, kontrastati ma' ideat oħra ġodda u innovattivi, isawru linja ġdida ta’ ħsieb li tant hi meħtieġa fiż-żminijiet tal-lum.

Imħeġġeġ mill-fatt li l-Partit Laburista jinħtieġlu jirrispondi b’mod assertiv għal din il-ħtieġa tal-bidla, u konvint li tali risposta tkun aktar kredibbli bi skjerament ta’ nies ġodda, qiegħed inpoġġi jien id-dispożizzjoni totali tiegħi għall-Partit billi nikkontesta mill-ġdid għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit.

Għidtha kemm-il darba u nerġa' ngħidha li biex nirbħu rridu nkunu ħafna aktar effettivi. Pero biex inkunu effettivi rridu bilfors inkunu organizzati. U biex inkunu organizzati rridu bilfors inkunu dixxiplinati. Għax mingħajr dixxiplina la nkunu organizzati wisq anqas effettivi. U din hi l-għajta li se mmexxi tul din il-kampanja fost id-delegati tal-Konferenza Ġenerali: Dixxiplinati, Organizzati, Effettivi.

Għidtha drabi oħra u nerġa nirrepetiha li biex nirbħu rridu naħdmu għal aktar għaqda fil-partit. Dawk kollha li tassew iridu l-bidla f’dan il-pajjiż ma jkollhomx garanzija li l-bidla li tant jixtiequ qatt tista sseħħ jekk ma jarawx Partit magħqud biżżejjed. Għaldaqstant nimpennja ruħi biex inkun strument li jressaq lil kulħadd lejn xulxin. U ninpennja ruħi biex nara li kulħadd ifittex li jkun parti mis-soluzzjoni mhux parti mill-problema. Għax jekk ikollna ħafna li jirrendu lilhom infushom bħala parti mill-problema ikollna problema kbira, imma jekk kulħadd ifittex li jkun parti mis-soluzzjoni tinstab soluzzjoni tajba.

Nemmen li l-bażi ta’ dan kollu li semmejt hawn fuq hija s-serjeta’. Irridu nkunu serji f’dak kollu li nagħmlu. Li tkun serju jfisser li l-affarijiet tħares lejhom bis-serjeta’, tanalizzahom bis-serjeta’, tiddeċidihom bis-serjeta’, u twettaqhom bis-serjeta’. Jekk wieħed jabbanduna s-serjeta’, is-serjeta’ tabbandunah.

Nemmen ukoll li min ikun f’kariga amministrattiva hemm bżonn li jisma’ ħafna aktar, jitkellem ftit anqas, u jaħdem ħafna u ħafna aktar.

Nemmen li fil-Partit, bit-triq rikonciljatorja li qiegħed jurina l-Mexxej, u bi skjerament ta’ nies li jappoġġjaw din il-linja, tista' tinħoloq klima interna serena fejn minkejja li huwa naturali li wieħed jista' ma jaqbilx ma' xi ħaga, xorta waħda jibqa' jħossu komdu bħala parti mill-familja, u xorta waħda jħossu li jappartjeni.

Nemmen ukoll li hemm ħtieġa immedjata u kbira fil-Partit għal bidliet. Wħud minnhom kbar, oħrajn izgħar. Bidliet kemm statutorji, kemm strutturali, kif ukoll f’dak li huwa kontenut.

Nemmen ukoll fil-kuntatt kontinwu ma' l-għeruq biex ma ninqatgħux minnhom, u mal-kumplament tas-soċjeta` kollha kemm hi biex nersqu aktar lejn aktar nies.

Nemmen fuq kollox, u bis-sħiħ, fiż-żgħażagħ tagħna. Fil-potenzjal tagħhom. Fil-ħeġġa u l-enerġija tagħhom. Fil-kapaċitajiet tagħhom. Nemmen fihom għaliex huma l-preżent u l-futur tal-Partit. Fuqhom u madwarhom irid jinbena kollox. Imma nemmen ukoll fil-veterani, u dawk mhux daqstant veterani, għaliex huma dawn li joffru stabbilta’ lill-Partit. Nemmen ħafna fil-lealta’ tagħhom. Fl-għerf tal-ħajja tagħhom. U fl-esperjenza tagħhom. Allura rridu noħolqu ambjent fejn il-veterani tal-Partit ikunu l-boxxla li fuqha wieħed jaqra d-direzzjoni, filwaqt li ż-żgħażagħ preżenti, u dawk li rridu nattiraw, ikunu l-forza l-ġdida tal-Partit biex ixettlu u jnibbtu ideat ġodda u innovattivi. Il-veterani għandhom xi ħaġa li ż-żmien biss jagħtik…l-esperjenza, filwaqt li ż-żgħażagħ għandhom ħaġa li f’dik l-eta’ n-natura qatt ma tixxaħħah miegħek fuqha…l-enerġija. B’taħlita tat-tnejn jitwettqu ħwejjeġ kbar.

Konvint li l-istaġun politiku ġdid li qiegħed jinbotta ‘l quddiem. Il-mexxej tagħna se jkun qiegħed jistimula dawn il-bidliet kollha fil-Partit. U konvint li l-iskop tagħhom se jintlaħaq u naslu fejn għandna naslu. Konvint li fi żmien mhux il-bogħod se inkunu forza politika kbira li tagħti lil dan il-pajjiż stil ta’ politika differenti. Se inkunu forza politika kbira li tkaxkar magħha lil dawk kollha b’ideat progressivi li jridu jaraw bidliet sostanzjali fis-soċjeta’ tagħna. U se tkun forza politika kbira li tħaddan magħha wkoll lil dawk li, anki jekk moderati fil-fehma tagħhom, jaqblu li wasal żmien it-tibdil.

No comments: