Is-Sinjura Daphne, li jien u għaddej nikteb għaddej f’konflitt intern jekk għandix noqgħod naħli ħin u spazju fuqha, nhar il-Ħamis għoġobha tikteb artiklu mill-aktar baxx u dispreġġjattiv fuq il-mexxej il-ġdid laburista meta dan lanqas kien ilu ġimgħa f’postu. Immaġinaw naqra f’ġimgħa dan x’seta’ għamel biex inkurlaha daqshekk.
Għandha kull dritt tikteb li trid, biex nifthemu. Imma l-qarrejja tagħha għandhom dritt daqsha li jkollhom l-inteligenza tagħhom rispettata wkoll. L-anqas li wieħed kien jistenna minnha hu li tkun prudenti, tistenna ftit taż-żmien, u l-analizi tagħha fuq il-persuna tal-mexxej il-ġdid u l-operat tiegħu tagħmilha meta dan ikun sab saqajh u telaq bil-ħidma tiegħu. Li jfisser allura li la kienet daqshekk imprudenti, il-mara kitbietha hija iddettata biss minn odju għal dak kollu li hu laburista. U li kieku minflok Joseph Muscat fit-tmun tal-partit tela’ Papa Benedittu, għalih kien ikun hemm riservat l-istess referenzi baxxi u odjuzi li kellha maħżunin għal Muscat.
Li jwassalni allura għal dak li rrid nasal għalih. Appell lill-editur ta’ The Malta Independent. Sur editur, tajjeb li lili l-ewwel wieħed, u lil ħafna oħrajn bħali, tilluminani ftit jekk tali kitbiet immaturi u prematuri għandhomx il-barka tiegħek. Tajjeb tilluminani ftit ukoll jekk hux gost u pjaċir tiegħek li tħallas artikolista l-belli lira biex toqgħod tivvomta fuq in-nies u tweġġa' s-sentimenti ta’ dak li jkun b’artikli barra minn lokhom. La darba nkun illuminat, inkun f’pożizzjoni nasal għad-deċizjoni jekk għandix nibqa' nonfoq 37 cents kuljum biex bihom jitħallas xi ħadd li quddiem l-istedina sinċiera ta’ Muscat biex il-politika nagħmlu minnha konfront nadif ta’ ideat u ħsibijiet, jirreaġixxi b’dak l-aktar mod pastaż u vulgari.
No comments:
Post a Comment