Il-Ħadd, 13 ta’ Lulju 2008

Għażiża Michelle

14 ta' Ġunju 2008

Wara kull persuna ta’ suċċess għandek issib mill-anqas persuna oħra li jkollha mertu daqsha jew kważi f’dak is-suċċess. Il-Mexxej il-ġdid Laburista, li minn hawn nieħu l-okkazzjoni biex nifraħlu u nawguralu, m’huwiex eċċezzjoni. Fost ħafna nies li hemm wara s-suċċess ta’ Joseph, mingħajr ma jieħu għalih ħadd, bla dubju l-aktar persuna influwenti kienet martu Michelle.

Lil Michelle, minħabba relazzjoni familjari, ili nafha madwar 30 sena. Kienet għadha tifla bil-kemm rifset l-għatba ta’ l-iskola. Konna inqattgħu s-sajf ngħumu fil-bajja tal-Fekruna, b’missierha Michael iħassrilna l-gost tal-vaganzi għax il-ħin kollu ifakkarna li l-qari u l-istudju m’għandhomx vaganzi. Jien, l-aktar tifel imfarfar mit-tfal kollha li konna nkunu fil-kamra tas-sajf tiegħu, kont l-aktar wieħed li nobdi. Imma għax kont drajtu li jekk nobdi kien hemm premju lest għalina….dawra bil-luzzu tiegħu sal-Gzejjer ta’ San Pawl.

Imbagħad għadda ż-żmien u lil Michelle rajtha taħdem fil-partit, fejn saret taf lil Joseph. Dak iż-żmien kont is-Segretarju tas-Sezzjoni Kandidati tal-partit. Kienet tagħti daqqa t’id kull fejn meħtieġ. U kull ma tagħmel, tagħmlu sew. Għax taf xi trid tagħmel, u taf kif għandha tagħmlu sew. Hija persuna enerġetika, determinata, u attenta. U bil-personalita’ tagħha tiddomina uffiċċju u tistimola lil kull min ikun magħha u viċin tagħha.

Michelle mhijiex biss, u mhux se tkun biss, il-mara li tappoġġja lil żewġha. Li tagħmillu kuraġġ. U li takkumpanjah soċjalment fejn hemm bżonn. Imma hija spalla politika soda. Għaliex apparti li hija akkademikament dotata, hija wkoll persuna li l-politika tafha sew.

F’dan il-mument hekk sabiħ f’ħajjitha, imma fuq kollox mument sabiħ ukoll għall-partit tagħna, nixtieqha tippermettili pubblikament nitlobha tibqa dejjem attenta fuq żewġha. Ma titilqu qatt minn taħt għajnejha. Biex ma jkunx hemm min ikun ta’ xkiel għalih u għal dak kollu li jirrappreżenta. Toqgħod attenta li ma jkun hemm ħadd, anki jekk l-intenzjoni tiegħu jew tagħha ma tkunx dik, li b’għemilu jew bil-preżenza tiegħu ixekkel lil Joseph mill-għan ewlieni tiegħu li jwassal lill-partit u lill-pajjiż għal staġun politiku tassew ġdid.

Perswaz li dan se tagħmlu, u se tagħmlu b’suċċess.

No comments: