Meta kulħadd kien qed jistenna li l-Onorevoli Jeffrey Pullicino Orlando jagħżel l-aktar triq onorabbli li kellu quddiemu, ċioe’ dik li jirrizenja minn Membru tal-Parlament, tafu xi spiċċa jagħmel? Jagħmel Propju Oppost.
Meta kulħadd, saħansitra opinjonisti ta’ kull ġurnal u editorjament il-ġurnali kważi kollha li hawn f’pajjiżna, kien qed jaqbel li aktar ma jagħlaq ħalqu Jeffrey Pullicini Orlando, aktar aħjar, tafu xi spiċċa jagħmel? Jagħmel Propju Oppost.Wara tliet xhur ta’ skiet u dehriet mill-anqas, u wara li l-Pulizija ħabret li ser tieħu passi kontra tliet persuni fil-każ tal-Mistra imma mhux kontra sid l-art li l-aktar kien se jibbenifika, inkiser l-iskiet u JPO bdejna narawh fuq kull stazzjon, ġurnata iva ġurnata le, jipprova jgħidilna kemm kien vittma ta’ Alfred Sant.
Il-verita’ hi li dan JPO la kkonvinca lili, la lilek, u lanqas lil ħadd. Tant li ħareġ saħansitra l-Prim Ministru jistqarr li ma seħħ xejn ġdid li lilu jġiegħlu jibdel id-deċiżjoni politika li ħa dwar JPO. Ċara u tonda.: JPO ma rebaħx lura l-fiduċja tal-Prim Ministru. Mhux biss. Imma b’dak li stqarr il-Prim jiġi kkonfermat li l-Prim illum hu konvint, jekk ma kienx addirittura konvint anki mill-bidu, li JPO politikament għandu x’jirrispondi. Jiġi konfermat ukoll,b’dak li qal il-Prim, li lura f’Marzu li għadda jew huwa ġie żgwidat għal kollox minn JPO, jew it-tnejn li huma, flimkien ma Joe Saliba, żgwidaw lill-poplu. Jew waħda, jew l-oħra.
Biex l-affari issa tkompli tieħu dimensjonijiet drammatiċi, jumejn ilu l-Mepa irtirat il-permess tal-Mistra għaliex saħqet, mingħajr ma kellha għalfejn tistenna l-eżitu tal-proċeduri li se jibdew fil-Qorti, li kien hemm ksur tal-liġi fil-ħruġ tal-permess.U hawn fejn nasal għall-punt li rrid nisħaq fuqu llum. Fl-opinjoni tiegħi hemm spjegazzjonijiet politiċi kbar x’jiġu spjegati f’dan il-każ. U l-obbligi politiċi li jridu jiġu ċċarati m’għandu jerfagħhom ħadd għajr il-Prim Ministru nnifsu. Kulħadd qed jistenna mill-Prim Ministru li jikser is-skiet kważi totali li żamm bi skuza li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-pulizija. L-investigazzjonijiet issa ilhom mitmuma mhux ħażin. U allura issa l-ballun mhu imkien għajr f’ħoġru. Wara kollox kien hu stess li f’intervista ma' The Times kien stqarr li la darba l-pulizija tikkonkludi l-investigazzjonijiet tagħha, huwa se jitkellem. U issa x’ġara? Gonzi qed Jagħmel Propju Oppost b’periklu kbir li minflok Gonzipn in-nies tibda ssejjaħlu Gonzijpo
Gonzi irid iżomm f’moħħu li minn issa ‘il quddiem kull vot li jgħaddi fil-parlament, wara sejħa għal division, se jkun qed jgħaddi bil-vot ta’ dik il-persuna li żgwidatu…jekk żgwidatu. Kull vot li jgħaddi se jkun għadda bil-vot ta’ dik il-persuna li ma tgawdix il-fiduċja tiegħu…jekk tassew ma tgawdix il-fiduċja tiegħu. Kull vot li jgħaddi se jkun qed iserraħ fuq dik il-persuna li skond Joe Saliba nnifsu ma jmisshiex qiegħda fil-parlament għax li kien għalih irriżenjat.Quddiem sitwazzjoni bħal din huwa interessanti ħafna naraw kif se jaġixxi Gonzijpo. L-irġulija politika tiddetta li jiċċensura lill-Onorevoli membru li fuqu qed iserraħ. Pero naraw fuq kollox hux se Jagħmel Propju Oppost.
No comments:
Post a Comment