Artiklu li ktibtu fil-25 ta' Marzu 2008
1. Elezzjoni Mitlufa… Dan hu l-ewwel artiklu tiegħi minn meta r-riżultat ta’ l-elezzjoni sar magħruf. Elezzjoni li lilna l-Laburisti ħallitilna togħma mill-aktar morra. Ħafna morra. Tlifna elezzjoni li ma kellna qatt nitilfu. U dik hi l-kelma eżatt….tlifna l-elezzjoni aħna mhux rebħuha n-Nazzjonalisti. Min ikun fil-gvern dejjem x’jitlef għandu. U min ikun fil-gvern għal 20 sena sħaħ għandu ħafna x’itelfu għaliex in-nes tgħejja. U tibda tixba u tiddejjaq minnu. Tibda anki tgħolli rasha l-arroganza u tnebbet il-korruzzjoni. Kif fil-fatt ġara. Diġa 20 sena kienu aktar minn wisq, aħseb u ara ħamsa oħra magħhom. Madankollu l-Labour ma kienx kapaċi jirbaħ. Tilef xorta. U kaġun tat-telfa tiegħu, it-tmexxija tal-gvern reħgġet ġiet konsenjata lin-Nazzjonalisti, minkejja li naqsu eluf ta' voti, biex spiċċaw rebħu elezzjoni li qatt ma setgħu jirbħu. X’ikkaġuna din it-telfa? Huma ħafna l-fatturi. U trid issir tfittxija bir-reqqa għalihom dawn l-iżballji. Pero jiżballja min jipprova jfittex r-raġunijiet x’imkien ieħor il-barra miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. M’hemm l-ebda raġuni esterna akbar mir-raġunijiet interni. Xi ħadd, jew xi wħud, x’imkien għamel jew għamlu l-iżballji. Jieħu għalih min irid… Il-‘Bidu Ġdid’ issa hemm bżonn li jseħħ ġewwa l-ewwel…qabel nitħajjru nesportawh 'il barra. U biex tiġġedded trid tibdel u tinbidel. Wara 20 sena fil-gvern huwa suppost il-partit tal-gvern li mar fl-oppożizzjoni jiġġedded u jinbidel. Hekk jiġri f’demokraziji normali u b’saħħithom. U huwa fl-interess tad-demokrazija li l-Partit Laburista jiġġedded, jinbidel u jissaħħaħ malajr kemm jista' jkun ħalli jkun jista' jirbaħ elezzjoni. Imbagħad ikun imiss lill-Partit Nazzjonalista li jmur fl-oppożizzjoni jippurifika ruħu, u dan fl-interess ukoll tad-demokrazija. Altrimenti ikollna, bħala poplu, nitqannew nibqgħu ngħixu ħafna aktar snin f’dittatura demokratika.
2.Is-Sistema Elettorali… Jekk vera rridu li ngħixu f’demokrazija ħajja u mħux f’waħda moribonda, irridu nizguraw li jkollna sistema elettorali fejn fiha kull fehma espressa permezz tal-vot tiġi riflessa fir-riżultat. Is-sistema li għandna hija tilqita a la Maltija, iddettata minn numru ta’ okkazzjonijiet fejn fihom kellna riżultati perversi, pero b’tifsila li taqdi lill-partiti l-kbar a skapitu taż-żgħar. Pero jekk mingħalina li sibna l-aħjar formula, ikolli ngħid li din l-elezzjoni tipprova l-affarijiet bil-maqlub. Għax fil-verita’ l-aħħar riżultat elettorali jindika ċar li l-maġġoranza assoluta tan-nies ta’ Malta u Għawdex ma riditx lill-partit Nazzjonalista fil-gvern. Anzi riditu fl-oppożizzjoni. Pero maġġoranza kemm kemm żgħira akbar ma ratx lill-Partit Laburista bħala gvern alternattiv. X’ġara? 1500 vot, jiġifieri 1500 individwu li vvutaw lil partit kbir u mhux lill-ieħor, iddeċidew id-destin ta’ pajjiż għal ħames snin, fl-istess waqt li ammont ferm akbar ta’ individwi li la vvutaw Labour u lanqas lill-Partit Nazzjonalista l-vot tagħhom ma sewa xejn. Lil dawn għidnielhom ċar u tond ‘Ojj, stajtu bqajtu d-dar bħal ħaddieħor’. Ġusta ħaġa bħal din? Le mhix. Tagħmel sens meta kellna riżultat daqstant viċin u inċert? Le, ma tagħmilx. U dan mhux qed ngħidu issa wara l-elezzjoni. Kont nirraġuna bl-istess mod minn qabel. Għax nemmen li fl-interess tad-demokrazija hemm bżonn insiru bħal demokraziji oħra. U biex insiru hekk hemm bżonn tibdil radikali fis-sistema elettorali tagħna. Ma nistgħux ngħidu li l-ewwel preferenzi huma dawk li jgħoddu…fejn jirrigwarda l-partiti l-kbar, imma imbagħad ma jgħoddux fil-każ tal-partiti ż-żgħar. Mingħalina ħloqna sistema li tagħmilna l-aktar pajjiz demokratiku tad-dinja, imma fil-verita’ ħloqna farsa li għandha bidu imma le tmiem. Irridu niddeċiedu x’se nieklu. Jekk hux pranzu bħan-nies….jew il-gaxin li sajjarna f’dawn l-aħħar snin.
3.Eżami tal-Kuxjenza… Wara r-riżultat elettorali li għadna kif kellna huma ħafna li jinħtiegilhom jagħmlu eżami tal-kuxjenza. Mhux l-anqas, il-Partit Nazzjonalista. L-ewforija ta’ rebħa li qatt ma kellha tkun m’għandux iwassalhom biex jaħsbu li kollox ward u zahar. Jew li l-MLP issa spiċċa. Altru milli hekk. Il-poplu bħalma bagħat messaġġ ċar lill-Partit Laburista, bagħat ieħor lill-Partit Nazzjonalista. Il-poplu qalilhom li bihom huwa imdejjaq ukoll. Il-Partit Nazzjonalista, iva, rebaħ id-dritt legali li jiggverna…la darba gvern irid ikun hemm….pero m’għandux l-appoġġ morali u l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin. U huwa żball kbir ħafna li l-Partit Nazzjonalista qiegħed japprofitta ruħu mill-fatt li l-oppożizzjoni għadha storduta biex jieħu deċizjonijiet kontraversjali, mingħajr ma jitqajjmu mingħalih kontroversji. Għajb kbir għalih li qed jaddotta din it-tip ta’ strateġija. Għajb għaliex jidher ċar li l-opportuniżmu politiku qiegħed jirbaħ fuq is-serjeta’ u l-interess nazzjonali. Għajb akbar għaliex dan ifisser li Gonzi ma tgħallem xejn mil-lezzjonijiet li ried jagħti l-elettorat bil-vot tiegħu.
4.Pjaċiri… Ħaġa li minn dejjem kienet, u saret aktar, tmarradni hija l-mewġa ta’ pjaċiri bla sens li jsiru hekk kif tasal elezzjoni. Pjaċiri li jħallu effett negattiv kultant ekonomiku, u kultant ambjentali. Xi drabi temporanji u ħafna drabi permanenti. Għalija dawn huma atti tal-mistħija li kont tagħhom irid jingħata quddiem Alla. L-ammont ta’ permessi tal-bini li jinħargu malajr malajr hekk kif toqrob l-elezzjoni, u wisq aktar malli titħabbar, huwa xokkanti. Ir-riżultat fuq l-ambjent ta’ Malta? Jarah b’għajnejh kulħadd u m’għandix għalfejn ngħidu jien. Xi ngħidu mbagħad għall-impjiegi u l-promozzjonijiet. Tal-mistħija. Naf b’dipartiment governattiv li xhur ilu ħareġ sejħa interna biex jimtlew numru ta’ postijiet fi grad partikolari. Kien hemm bżonn numru. Sar eżami. Għaddew mill-eżami ħafna u ħafna aktar min-numru meħtieġ. Il-loġika tgħidlek li jieħdu l-promozzjoni dawk li kkwalifikaw ‘il quddiem san-numru li kien hemm meħtieġ. Mhux hekk? Imma tafu x’ġara? Ġimagħtejn qabel l-elezzjoni taw il-promozzjoni lil kulħadd. Affarijiet ma jitwemmnux. Affarijiet li darba xi ħadd pprova jbellagħhielna li hekk kif insiru parti mill-Unjoni Ewropea, ma jsirux aktar. Mhux aħna l-Maltin imma! Aħna nġibu l-Ewropej bħalna, u mela huma jibdlu lilna! Aħna poplu korrott li jekk tneħħilu l-korruzzjoni jiġrilu bħal dik il-ħuta li toħroġha barra mill-ilma. Lanqas biss nafu ngħixu mingħajrha. Phuu għalina.
No comments:
Post a Comment