It-Tlieta, 25 ta’ Novembru 2008

Sharon

Sitta, ħames snin ilu l-issue fuq l-aġenda nazzjonali kienet l-UE Dibattitu nazzjonali sħiħ ta’ sentejn jew aktar, li ġie riżolt b-elezzjoni fl-2003. Fuq naħa tad-dibattitu kellek dawk li imbuttaw għal sħubija u fuq in-naħa l-oħra dawk li xtaqu tip ta’ relazzjoni oħra. Fil-fatt huwa għalhekk li kienet issue, għax kellek diverġenza ta’ ħsieb. Kieku kulħadd kien fehma waħda, kieku ma kinietx tkun issue. F’demokrazija l-issues huma l-istimulu għall-ħsieb u d-diskussjoni, li finalment iwaslu lil-poplu biex jiddeċiedi.

Pero` kull min ikkontribwixxa għal dik id-diskussjoni għalija kien strumentali biex il-proċess demokratiku jaħdem kif għandu jaħdem, u kien strumentali biex il-poplu seta' jasal għal deċizjoni. Hekk taħdem id-demokrazija. U l-mertu tad-deċizjoni għandu jmur għal kull min ikkontribwixxa għal dik id-diskussjoni. Ara llum, l-UE m’għadhiex issue. Għaliex ġiet riżolta u għax ġiet aċċettata minn kulħadd.

Diskussjoni llum fuq il-linji ta’ ħames snin ilu fl-opinjoni tiegħi issarraf f’aktar ħsara milli ġid, imma diskussjoni dwar kif kulħadd jista, u għandu, jikkontribwixxi biex id-deċizjoni li ħadna insarfuha f’ġid għal pajjiżna, hija meħtiega. Jekk ħames snin ilu naħa rebħet fuq l-argumenti tan-naħa l-oħra m’għandux ifisser li kull min kien fuq in-naħa telliefa għandu jippakkja u jitlaq mill-pajjiż.

Qed ngħid dan għaliex ħafna fil-PN donnhom li hekk jippretendu. Għalihom Joseph Muscat m’għandux jiftaħ ħalqu fuq l-UE għaliex dak iż-żmien kellu argumenti differenti minn tagħhom. Taqra l-midja tal-PN tarahom jissuġġerixxu li Sharon Ellul Bonnici m’għandhiex tkun aċċettata bħala kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew għaliex fi żmien tad-diskussjoni nazzjonali dwar l-UE kienet tikkampanja, billi tagħti informazzjoni, għal triq differenti minn sħubija. Bl-istess argument allura l-MLP jista ma joħrog lil ħadd għax dak iż-żmien kulħadd fl-MLP kellu argumenti differenti.

Ġejt imnebbah nikteb dan għaliex ma flaħtx nara dawn l-attakki fuq Sharon. Sharon hija mara versatili, inteliġenti, taf b’għajnejha magħluqa kif taħdem l-UE u fl-opinjoni tiegħi tkun kandidata ideali ħafna. Ili nafha bosta snin. Konna kandidati t-tnejn fl-elezzjoni ta’ l-2003 u l-mara, anki jekk għaddewwa mill-infern tad-dinja, tippossiedi determinazzjoni li ma tagħti qatt ruħha b’mirbuħa.

Wenzu

Ma' sieħbi Wenzu Mintoff irrid pubblikament nuri sens ta’ kompassjoni u solidarjeta` wara li membri tal-familja tiegħu sfaw fil-mira tal-kitba imdardra ta’ Daphne Caruana Galizia. Kieku Wenzu safa fil-mira minħabba xi ħaga li seta’ għamel hu, sakemm din tkun relatata ma’ l-attivita` pubblika tiegħu, hija aċċettabbli. Imma li jisfa fil-mira minħabba allegat affarijiet purament privati li seta' għamel ħaddieħor, u li din ir-riferenza ssir unikament biex tferilu s-sentimenti tiegħu, huwa moqżież u inaċċettabbli. U aktar milli hu moqżież il-feriment innifsu hija moqżieża l-awtriċi ta’ dik il-kitba. Għal-lum nieqaf hawn u inkompli darba oħra. Pero` jiżbalja dak l-editur ta’ dik il-gazzetta li qed jagħti pjattaforma lil din il-mara mimlija odju jekk jaħseb li hu m’għandux ukoll toqla xi jġorr fuq il-kuxjenza tiegħu. Dik il-gazzetta jien daqshekk xtrajtha…u darba oħra niftaħha aktar.

Louis

Bħala Maltin għandna għalfejn inkunu kburin li Malti bħalna, l-Ewroparlamentari Louis Grech, kien il-protagonista biex inbotta ‘l quddiem fil-Parlament Ewropew numru ta’ proposti importanti fil-ġlieda dwar it-tibdil fil-klima. Mhux biss ressaq numru ta’ proposti importanti, imma kontra kull previjoni, anki minn ċerti midja hawn Malta, irnexxielu jikkonvinċi u jinfluwenza l-maġġoranza ta’ sħabu l-ewroparlamentari, ġejjin minn liema kull naħa ta’ twemmin politiku, biex f’seduta plenarja jivvutaw favur il-proposti tiegħu.


Min għandu idea ta’ kif jaħdem il-Parlament Ewropew jaf li mhux biżżejjed fil-Parlament Ewropew li jkollok proposti validi biex iġġib l-appoġġ għalihom. Irid ikollok ukoll kuntatt tajjeb u kontinwu biex il-lobbying li jkun għaddej ma thallihx ixekklek, anzi jekk jista’ jkun tużah għall-vantaġġ ta l-ideat tiegħek. Biex tkun f’posizzjoni li tagħmel dan, naturalment, trid tkun persuna li tul il-ħidma tiegħek irnexxielek tiggwadanja rispett wiesgħa minn kulħadd. U seħibna, Malti bħalna, Louis Grech, irnexxielu jibni għalih, u għal pajjiżna ngħid jien, stima, rispett u fiduċja li ftit oħrajn jistgħu jgħidu li jgawdu daqsu. Tant hu hekk li minn parlament ta’ kważi 800 persuna kien hu, Malti bħalna, li intagħzel biex iħejji l-budget ta’ l-UE. Posizzjoni li qeda b’suċċess u b’mod l-aktar amminervoli.

Ħadt ir-ruħ meta dan l-aħħar sirt naf li, kuntrarju għal dak li xebgħu jgħidu fil-midja Nazzjonalista, Louis Grech se jerġa' jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej.

Barack

Barack huwa isem Afrikan. Pronunzjat, maħtuf u miktub Barack sempliċiment biex jiffittja fil-pronunzjatura tal-lingwa Ingliża. L-isem Barack huwa isem imnissel mill-Għarbi. Li jfisser barka. Jiġifieri min jinagħta l-isem Barack ikun qed jissemma l-Imbierek, bil-Malti, jew Blessed, bl-Ingliż.

Barack Obama jista' jkun, u ħafna qed jistennewh li jkun, xiehda ta’ ismu billi jimbotta politika li ddaħħal lid-dinja f’era ta’ barka u sliem. Kontinwament fid-diskorsi tiegħu Obama esprima x-xewqa li l-politika tal-militariżmu tagħmel wisgħa għall-politika tal-paċi u l-ġustizzja. U nissel it-tama fost ħafna li d-dinja tista tkun kapacċ tassew issegwi din it-transizzjoni. Transizzjoni li hu jsejjħilha ‘Bidla’. ‘Bidla li nistgħu nemmnu fiha, u li nistgħu nwettquha.’

F’ħajti kienu bosta dawk li għamilthom eroj tiegħi. Ewlieni fosthom Nelson Mandela li ma nixba qatt naqra, u nerġa naqra, l-awtobijografija tiegħu Long Walk To Freedom. Eroj ieħor f’ħajti kien l-ex mexxej Laburista Ingliż Tony Blair li imbagħad iddeludieni meta ħalla lilu nnifsu jiġi influwenzat wisq mill-politika ta’ Bush. Barack Obama huwa l-eroj il-ġdid ta’ ħajti. Ili nsegwih sa mill-kampanja tiegħu ghal Senatur għal Illinois. Mill-bidu beda juri li hu materjal straordinarju, għalkemm nammetti qatt ma bsart li se jagħmilha daqstant malajr għall-Whitehouse.

Obama huwa kampjun tad-diversita`. Għandu l-abbilta’ li jibni koalizzjoni wiesgħa ta’ nies differenti, b’għeruq differenti. Jaf jikkomunika u juża l-komunikazzjoni biex jgħaqqad. B’hekk irnexxielu jipproġetta lilu nnifsu dak li fil-fatt hu – aġent tal-bidla. U mexxa kampanja organizzata u dixxiplinata marbuta l-ħin kollu mat-tema tal-bidla.


L-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u l-poplu kollu Amerikan li wera tant maturita` f’din l-għażla diversa, huwa issa li tassew għandhom f’ħoġorhom opportunita` li juru li huma potenza fid-dinja. Mhux potenza li toħrog mis-saħħa militari li għandhom, imma potenza għaliex bl-elezzjoni ta’ Obama wettqu ħolma li d-dinja kollha riedet. Lil Obama rieditu d-dinja kollha u issa għandhom l-opportunita` li jibnu fuq l-aspettattiva li d-dinja bniet madwar din il-ħolma ġdida. Huwa issa li tassew għandhom l-opportunita` li juru t-triq. U fiduċjuż li Barack Obama se jkun għalija Nelson Mandela ieħor….u mhux deluzjoni kif kien Blair.

Is-Sibt, 1 ta’ Novembru 2008

Elezzjoni Storika

L-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti ta’ l-Amerka ta’ nhar it-Tlieta li ġejjin hija meqjusa bħala waħda storika. Il-kobor ta’ l-interess pubbliku f’din l-elezzjoni, mhux biss fl-Amerka imma madwar id-dinja kollha, hu wieħed bla preċedent. U l-kampanja feroċi għaliha u l-flejjes li ntefqu fiha huma wkoll bla preċedent. Kienet kampanja intensa, bla waqfien għal kważi sentejn, fejn l-ewwel kellna l-elezzjonijiet primarji taż-żewġ partiti ewlenin imbagħad f’dawn l-aħħar xhur assistejna għall-aħħar sprint finali. Tant kien kbir l-interess li kien hemm numru rekord ta’ ċittadini Amerikani li rreġistraw ruħhom għall-vot għall-ewwel darba, L-akbar numru fosthom huma ċittadini ta’ ġilda skura li fis-snin imgħoddija kienu jabdikaw milli jivvutaw.



Erba’snin ilu fil-ġimgħa ta’ l-elezzjoni nzertajt barra l-pajjiż. Kont ingħalaqt ġurnata u nofs fil-kamra tal-lukanda nsegwi r-riżultati ħerġin stat stat u wara l-programmi ta’ analiżi u diskussjoni li jsegwu. B’koinċidenza l-ġimgħa d-dieħla wkoll se nerġa’ nkun imsiefer,u ninsab ippreparat biex it-Tlieta u l-Erbgħa ningħalaq klawsura biex ma nitlifx mument wieħed minn dan l-avveniment.

Il-ħatra ta’ l-aktar bniedem b’saħħtu fid-dinja, mħux biss għaliex ħija l-akbar ħatra ta’ poter fid-dinja politika imma wkoll għaliex din il-persuna se tkun il-ċommander in ċħief ta’ l-unika super-potenza militari li fadal, għandħa tinteressa lilna daqs kemm tinteressa lill-Amerikani. Bi preparazzjoni għal dan l-avveniment għalħekk iddeċidejt li llum nagħti ftit tagħrif, mill-aħħar tagħrif li ħiereġ, liema tagħrif wieħed għandu jsibu utli biex isegwi aħjar l-aħħar jumejn tlieta ta’ din il-kampanja.

Mill-figuri ta’ diversi stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li qed jiġu ppubblikati, kemm dawk li qed isiru stat stat kif ukoll dawk li qed isiru fuq skala nazzjonali, wieħed għandu għalxiex jassumi li jekk f’dawn l-aħħar siegħat ma jiġri xejn staordinarju, bħal xi attakk terroristiku fuq l-Istati Uniti, Barack Obama mhux biss se jirbaħ din l-elezzjoni imma jista’ wkoll jirbaħ b’mod komdu u konvinċenti. U minkejja li l-aħħar stħarrig qed jindika li McCain naqqas id-distakk minn mar-rival tiegħu xorta waħda Obama għandu vantaġġ nazzjonali li jvarja bejn erba’ u sitt punti perċentwali.

Aktar minn hekk, il-miraklu li għandu bżonn McCain huwa aktar diffiċli li jseħħ meta nafu li l-elezzjoni fl-Istati Uniti ma tiġix deċiza b’vot popolari fuq skala nazzjonali. Fis-sistema Amerikana kull stat għandu abbinat miegħu numru ta’ voti fil-Kulleġġ ta’ l-Eletturi. Issir elezzjoni f’kull stat. U r-rebbieħ ta’ kull stat jieħu l-voti kollha li jġorr dak l-istat fil-Kulleġġ ta’ l-Eletturi. Jidher li minn 52 stat, 42 huma deċizi diġa b’mod ċar lejn naħa jew oħra. Minn dawn l-istati Obama jidher li hu assigurat minn 235 vot fil-Kulleġġ ta’ l-Eletturi filwaqt li McCain għandu rasu mistrieħa biss minn 163 vot. L-għaxar stati l-oħra, għalkemm Obama jidher li għandu vantaġġ f’kull wieħed minnħom, id-distakk mhux daqstant ċar u allura għadhom meqjusin dubjużi. Biex kandidat jigi dikjarat rebbieħ għandu bżonn 270 vot fil-Kulleġġ ta’ l-eletturi. Jiġifieri Obama jonqsu 35 vot. Florida waħidha ġġorr 27 vot u Ohio 21 vot. Dawn huma tnejn mill-aktar stati fejn il-kandidati jinsabu viċin.


Bażikament, biex jikkanċellaw l-iżvantaġġ li għandhom u jirbħu l-elezzjoni McCain u r-Repubblikani għandhom bżonn jirkupraw 2% tal-voti fl-istat ta’ Florida, 2% oħra fl-istat ta’ North Carolina, 2% fl-istat ta’ Indiana, 2% fl-istat ta’ Missouri, 5% fl-istat ta’ Ohio, 5% fl-istat ta’ Nevada, u 8% fl-istat ta’ Virginia. Ilkoll stati dawn li kienu f’idejn ir-Repubblikani u li Obama qed jirnexxielu jxaqlibhom lejh. Barra minn hekk, għandu bżonn ukoll McCain iżomm vantaġġ ta’ 4% li għandu fl-istat Repubblikan ta’ Georgia, u jara kif jisraq lid-Demokratiċi wieħed mill-istati tagħhom ta’ Pennsylvania, Colorado, Iowa u New Mexico. Sinċerament ma nafx liema bakketta maġika tista’ twettaq din il-formula komplessa li għandhom bżonn ir-Repubblikani.

Biss biss, biex iġibu lura Virginia fil-kolonna Repubblikana għandhom bżonn jirkupraw żvantaġġ ta’ 8%, u biex jisirqu Pennsylvania mill-kolonna tad-Demokratiċi għandhom bżonn jirkupraw żvantaġġ ta’ 11%. U magħhom l-istati l-oħra kollha li semmejna. Altru milli miraklu. Barack Obama qiegħed biss tliet ijiem bogħod milli jikteb l-istorja billi jsir l-ewwel President b’ġilda skura fl-Istati Uniti.. U qiegħed b’seba’ għajnejn li ma jagħmilx żbalji għax jaf li l-elezzjoni jista jitlifha biss jekk juri ċerta kompjaċenza u kunfidenza żejda, jew jekk jagħmel xi żball oħxon. Din hi elezzjoni li qatt m’għandha tintilef. Ir-Repubblikani zmienhom għamluħ u n-nies hija għatxana għall-bidla.

L-exit polls fost dawk li għazlu li jivvutaw kmieni, għax fl-Amerka teżisti l-faċilita’ li wieħed jista jixħet il-vot tiegħu kmieni waqt il-kampanja, juru li Obama għandu l-appoġġ tal-maġġoranza fost dawk li għamlu użu minn din il-faċilita’.

Sadanittant stħarriġ ieħor jindika li għad fadal madwar 6% tan-nies li għadhom indeċizi x’se jivvutaw. Normalment wħud minn dawn jispiċċaw jivvutaw lil xi kandidat indipendenti. Ralph Nader, kandidat indipendenti kważi f’kull elezzjoni u li se jerġa’ jikkontesta, fis-sena 2000 kien ġab biżżejjed voti f’Ohio biex tellef dan l-istat lil Al Gore biex b’hekk President kien laħaq George W. Bush. Imma anki hawn Obama jidher li sab triq kif jidħol. Stħarriġ fost dawk li irreġistraw lilhom infushom bħala indipendenti juri li Nader naqqas il-popolarita’ a spejjeż ta’ Barack Obama.


Aspett ieħor li qiegħed jissemma ħafna f’din l-elezzjoni huwa l-fattur tal-Bradley effect. X’ikun dan il-Bradley effect? Huwa fenomenu li seħħ f’aktar minn okkażjoni waħda kull meta kandidat abjad kien kontestat għal xi elezzjoni minn kandidat ta’ kulur. Qatt ma ġara hekk f’elezzjoni presidenzjali għaliex din hi l-ewwel darba li kandidat abjad huwa kontestat minn wieħed ta’ kulur f’elezzjoni presidenzjali. Imma f’elezzjonijiet biex jinħatar governor ta’ xi stat kien fenomenu li feġġ f’ħafna okkażjonijiet. Nies ta’ ġilda bajda, meta jkunu avviċinati minn xi kumpanija ta’ l-istħarriġ tal-fehma pubblika, jiddikjaraw li se jivvutaw lill-persuna skura sempliċiment biex jidhru li huma persuni tolleranti, imma mbagħad meta jkunu weħidhom jivvutaw jagħmlu propju l-oppost. Ġrat l-ewwel darba fl-1982 meta kandidat ta’ ġilda skura bl-isem ta’ Tom Bradley ikkontesta kandidat abjad għal governor f’California u minkejja li deher li kellu vantaġġ komdu ħafna fil-konfront tal-kontestant l-ieħor spiċċa tilef l-elezzjoni bil-kbir. Minħabba f’hekk kull stħarrig f’din l-ewwel elezzjoni presidenzjali bejn abjad u iswed jista’ ma jkunx korrett daqs kemm kien korrett f’kull elezzjoni preċedenti. Madankollu analisti politiċi jargumentaw li dan il-fenomenu tul is-snin naqqas mill-forza tiegħu u l-aktar li jista’ jkollu effett huwa ta’ 2%. Li jistgħu ma jkunux biżżejjed għal McCain.

Intant, nippreparaw ruħna għal nhar it-Tlieta u naraw.