It-Tnejn, 14 ta’ Lulju 2008

Il-Midluk

28 ta' Ġunju 2008

Sakemm tigu biex taqraw dan l-artiklu l-għażla tas-Segretarju Ġenerali li se jieħu post Joe Saliba fil-Partit Nazzjonalista tkun magħrufa uffiċċjalment. Fil-mument li qed nikteb dan l-artiklu pero, minkejja li naf min hu l-midluk, uffiċċjalment għadu ma ġiex ikkonfermat li l-midluk fil-fatt indilek. U minkejja li s-sorpriżi dejjem jistgħu jitwettqu, ma tkun sorpriża xejn jekk dalgħodu jiġi nikkonferma ruħi illi wara disa’ snin fil-PN irritornat is-sitwazzjoni fejn il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tkun okkupata minn membru parlamentari.

Li l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista isiru b’dan il-mod mhix spekulazzjoni. Kien l-Ewroparlamentari Simon Busuttil li pubblikament stqarr li hu kien ġie avviċinat minn Lawrence Gonzi u martu Kate biex jidħol hu minflok Joe Saliba. Li jfisser li fil-partit Nazzjonalista, mhux talli l-għazla ma jagħmluhiex il-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali imma numru aktar ristrett fl-Eżekuttiv, talli fil-verita’ din l-għazla tkun pre-indikata mill-Kap innifsu.

Simon Busuttil pero irrifjuta. U stqarr pubblikament li rrifjuta. Biex il-midluk ħalla lill-Prim Ministru ifittex ieħor biex jidilku. U l-midluk l-ieħor instab f’dak li għal ħafna, imma mhux għall-ftit li kienu konvolti, kien il-persuna sorpriża li tefa’ n-nomina bla mistenni.

Jekk dalgħodu l-affarijiet jirriżultaw mod ieħor, u ċioe’ il-midluk baqa’ ma ndilikx, allura Lawrence Gonzi għandu ma wiċċu sitwazzjoni kbira ta’ imbarazzament. Jekk mill-banda l-oħra l-għazla irriżultat biss f’konferma tal-midluk, fl-opinjoni tiegħi l-imbarazzament tal-Prim Ministru għandu jkun akbar.

Mill-banda l-oħra, anki jekk jidher li għadu kmieni ħafna, jidher ċar li ż-żejt tal-balzmu għall-ħatra tal-Kap li jmiss tal-partit diġa’ huwa ppreparat. U l-idejn li se jagħmlu d-dilka se jaraw li meta jasal il-waqt Simon Busuttil ma jgħidilhomx le. Konferma ta’ dan kollu toħrog minn artiklu li kiteb ftit taż-żmien ilu Robert Musumeci fuq The Times. Musumeci ħassu fl-obbligu li jinfurmana li “ There is no doubt that Simon Busuttil, who will probably be the next party leader, would have been fit for this (General Secretary) job.”

Is-sabiħa hi li minn dak in-nhar ‘l hawn, u naħseb li ħallejt żmien aktar minn biżżejjed, fatti ċari ta’ manipulzzjoni din il-kwalita’ ma jsibux ruħhom fiċ-ċentru tad-diskussjoni pubblika. ’differenza minn meta Malta kollha waqfet biex tiddiskuti jekk l-għazla ta’ mexxej fil-Partit Laburista għandhiex titwessa minn 900 delegat għal 19,000 tesserat.

No comments: