Il-partit politiku fil-Gvern Iżraeljan Kadima din il-ġimgħa ħatar lil Tsipi Livni, 50sena, omm ta’ żewġ ulied, bħala l-mexxej suċċessur il-ġdid tal-partit, u fi ftit tal-ġimgħat oħra mistennija tieħu postha bħala Prim Ministru minflok Ehud Olmert.
Il-ħatra ta’ Livni hija aħbar tajba, imma t-telfa tal-Ġeneral Mofaz, li kien qiegħed jimbotta politika aktar militanti u saħansitra jhedded li jista jattakka lill-Iran, tagħmel ir-rebħa ta’ Livni aħbar aktar tajba. Livni minn persuna ultra Nazzjonalista, wara perjodu bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin resqet aktar lejn pożizzjoni moderata. It-trasformazzjoni tagħha waslet sal-punt li llum temmen fermament f’politika li twassal għal koeżistenza Għarbija/Lhudija. Illum Livni hija meqjusa internazzjonalment bħala pedina importanti fil-proċess ta’ paċi. Għandha rapport tajjeb ħafna ma Mahmoud Abbas. U hemm sinjali li tista taħdem tajjeb ukoll ma Bashar al Assad. Il-problema għaliha madankollu tibqa dejjem il-Hamas. Dawn diġa ddikjaraw li l-ħatra tagħha mhu se twassal għall-ebda bidla.
Wieħed jittama li dak li ma rnexxielu ħadd jagħmel f’għoxrin sena, tagħmlu Livni…ftehim ta’ paċi dejjiemi mal-Palestina. Fl-opinjoni ta’ ħafna, jien wieħe minnhom, ma tista qatt id-dinja sserraħ rasha mill-inkwiet jekk ma tiġix riżolta l-kwistjoni tal-Palestina. Ħafna mit-trewwih fundamentalista reliġjuż madwar id-dinja jaf l-għeruq tiegħu lil din il-kwistjoni għax hemm min qed jinqeda biha għal skopijiet oħra. La darba tiġi riżolta l-kwistjoni Palestina, qisu wieħed skonnettja l-fuse minn mal-qalba ta bomba devastanti li tista tieħu ħin bla waqt. Awguri Livni. Awguri Iżrael. Awguri Palestina.
No comments:
Post a Comment