Il-Prim Ministru Ingliż Gordon Brown jista, u hekk hu fil-fatt, għaddej minn żmien mill-aktar diffiċli. Il-Partit Laburista Ingliż qed jaqta’ lura ħafna, u ilu jaqta’ lura ħafna, fil-popolarita’. Brown qed jiffaċċja tgergir intern li qatt ma kien hemm bħalu fil-partit. Qed jiffaċċja riżenji u qed jiffaċċja sfidi għat-tmexxija tiegħu meta kellu talbiet biex iħalli l-post ta’ mexxej.Madankollu ammirajtu ħafna dan l-aħħar meta f’intervista li saritlu fuq stazzjon popolari televiżiv Ingliż, liema intervista segwejt b'interess kbir, huwa irrifjuta li jdaħħal l-familja tiegħu fid-diskussjoni, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu t-tfal. Huwa saħansitra jipproteġihom billi jirrifjuta li jkunu fotografati anki f’ambjenti u akkazzjonijiet soċjali li jkollhom.

Ammirajtu għaliex kuntrarju għal dak li kien jagħmel il-mexxej ta’ qablu, u kuntrarju għal dak li qed naraw iseħħ fil-kampanji politiċi li għaddejjin fl-Amerka, fejn it-tfal tal-politiċi jitqiesu bħala oġġett propagandistiku, Brown irid li uliedu jkollhom l-ispazju tagħhom. Brown jgħid li m’għandhomx ikollhom invażjoni f’ħajjithom. Jgħid li huwa hu li għażel li jidħol fil-politika u mhux uliedu. Mela huwa hu li għandu jkun skrutinizzat u mhux uliedu. Qal li uliedu għandhom dritt li jħossuhom tfal sakemm għadhom tfal. Għandhom dritt ikollhom rapport mal-ħbieb tagħhom bħal tfal oħra. U jibnu dan ir-rapport skond il-ħila tagħhom mhux skond ulied min huma. Qal li invażjoni mill-midja ma tħallihomx jibnu dan ir-rapport, u talab li uliedu jitħallew fil-kwiet.
Kemm għandhom x’jitgħallmu Sarah Palin u Barack Obama f’dan ir-rigward.
No comments:
Post a Comment