Bqajt imbellaħ u imnixxef meta dan l-aħħar iċ-Chairman tal-Malta Tourism Authority Sam Mifsud konfrontat minn ġurnalista, wara li kien għadu kif stqarr li għalih l-ambjent m’huwiex prijorita’ għall-qasam tat-turiżmu, u wara talbiet li kien hemm għar-riżenja tiegħu, wieġeb li m’għandux intenzjoni li jirriżenja minn Chairman ta’ l-MTA għaliex iħoss li fadallu x’joffri.
Bqajt imbellaħ u imnixxef aktar meta qist li l-ereżija ta’ dikjarazzjoni li għamel Mifsud dwar jekk l-ambjent mhux prijorita’ għat-Turiżmu, għamilha fil-kuntest tal-kawża li għaddejja fil-Qorti in kwistjoni mal-każ skandaluż tal-Mistra, u dan biex ikun ta’ spalla għal xi ħadd li għaddejjin proċeduri kontrih. Huwa tal-mistħija aktar li Mifsud dan għamlu mhux biss biex jiddefendi ir-rapport li sar mill-MTA rigward l-applikazzjoni għal diskoteka fil-Mistra, liema rapport ma ħa l-ebda konsiderazzjoni ambjentali, imma agħar minn hekk ipprova jiġġustifika l-bini ta’ diskoteka billi jgħid li t-trammuntana tal-pajjiż hija nieqsa minn stabbilimenti ta’ divertiment meta m’huwiex il-każ.Quddiem dan kollu tagħmel ħafna sens it-talba għar-riżenja tiegħu. Li ma jagħmilx sens hu li joħroġ hu u jgħid li m’għandux intenzjoni li jirriżenja għaliex għad fadallu x’joffri. F’sitwazzjoni bħal din, jekk wieħed għandux x’joffri aktar jew le mhux l-individwu konċernat għandu jaraha. Ħaddiehor. F’sitwazzjoni bħal din l-irġulija titlob riżenja. Imma le, donnha saret moda f’dan il-pajjiż tweġiba bħal din. Kull min ikollu talba biex jirriżenja iwieġeb li fadallu x’joffri. Bħal dak li qallu qatt miet Papa u l-Knisja ma tellgħetx ieħor. Bħal dak li qallu l-kwalitajiet ta’ dak li jkun huma tant uniċi li ma ssibhom f’ħadd iktar. Fejn hi l-etika professjonali? Fejn huma l-korrettezza, it-trasparenza, u l-akkontabilita’?
Il-fatt jibqa wieħed. Min jiżbalja hu mistenni minnu li jerfa r-responsabbilta’ ta’ l-iżbalji li jagħmel. Min jiżbalja u ma jerfax responsabbilta’, anzi jibqa’ jirreżisti kull talba li ssirlu, f’għajnejja huwa bniedem arroganti.
No comments:
Post a Comment