Il-Ġimgħa, 15 ta’ Awwissu 2008

Tat-Tarzna

L-agħar ħaġa li tista tiġrilu bniedem li jkun totalment dipendenti fuq il-ġurnata tax-xogħol huwa li l-impjieg tiegħu jisfa insikur. L-inċertezza, il-qtiegħ il-qalb, it-tensjoni, il-biża’ mill-futur, l-għali li dawk li jiddependu minnek se jgħaddu minn żmien diffiċli, u l-preokkupazzjoni li wisq probabli xogħol alternattiv ma ssibx, lill-bniedem jħassbuh, ikidduh, u jherruh.

Il-ħaddiema tat-Tarzna bħalissa jinsabu għaddejjin propju minn din is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, jien li bħalhom l-għejxien tal-familja tiegħi jiddependi totalment fuq il-ġurnata tax-xogħol, u aktar minn hekk bħala persuna li nimmilita fil-partit tal-ħaddiema, nissimpatizza magħhom bil-kbir u ħsibijieti kollha bħalissa huma fihom u fil-familji tagħhom.

Jekk tassew hemm ħaddiema żejda fit-Tarzna, wieħed jifhem li għandu jsir eżerċizzju serju biex jiġi stabbilit kemm għandha bżonn nies it-Tarzna u x’nies għandha bżonn. La darba tali eżerċizzju serju jkun lest, wieħed imbagħad għandu jgħaddi biex jassigura li kull ħaddiem ieħor li mhux possibli li jżomm postu fit-Tarzna jinstablu xogħol dinjituż alternattiv li jkun produttiv. Dan hu obbligu li kull gvern għandu jħoss fuqu, mhux fil-kaz tat-Tarzna biss imma f’kull każ.

Ikun ħela, meta nafu li t-Tarzna tagħna tipproduċi nies ta’ ħila bla qies f’dawk li huma snajja, jekk ma nassigurawx li l-ħiliet ta’ dawn in-nies ma nerġgħux nassorbuhom fid-dinja tax-xogħol. Ikun ħela aktar meta nafu li hemm Kunsilli Lokali jibku biex isibu nies bis-sengħa x’jimpjegaw.

Allura għaliex qiegħda tiġi skartata l-idea li jerġa jintuża l-mudell ta’ l-IPSL? Għaliex il-Gvern qed jisħaq biss fuq skemi ta’ irtirar kmieni? X’għandu f’moħħu eżatt il-Gvern? Mhux kontrosens li fl-istess nifs li l-Gvern iħeġġeġ kemm jista lin-nies biex jibqgħu fid-dinja tax-xogħol f’eta’ anki kbira, qiegħed iħeġġeġ nies oħra biex jirtiraw kmieni? Dan kollu meta jaf kulħadd li wegħda pre-elettorali Nazjonalista kienet saret biex isserraħ ras il-ħaddiema tat-Tarzna li mhux se jkun hemm tnaqqis ta’ nies mill-azjenda. Mhux daħq fil-wiċċ dan?

L-awgurju tiegħi hu li l-buon sens u r-rieda tajba jipprevalu f’din il-kwistjoni.

No comments: