Kelli l-impressjoni li aħna inkapaċi nużaw b’mod effettiv il-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni. Kont naħseb li email ma nafux x’inhi. Li lanqas nafu li jeżistu l-blogs. Li m’aħniex napprezzaw kemm eluf ta’ nies illum jorbitaw kontinwament f’dan il-mezz elettroniku. Kont żbaljat. Fit-tlielaq kollha interni li kellna dan l-aħħar intbaħt li nafu nużawhom sew. Ħafna wkoll. Allura kieku intużaw bl-istess mod effiċjenti u bl-istess saħħa fl-elezzjoni ġenerali ma konniex forsi jaħasra niskansaw telfa elettorali oħra?
Kelli dubju wkoll nafux x’inhu telefon ċellulari, u jekk nafux li hemm mezz kif tikkomunika bl-sms’s. Le ta. Fit-tlielaq interni tgħidx kemm messaġġi kuljum irċevejt. Allura kieku użajnihom bl-istess intensita` fl-elezzjonijiet esterni bħalma użajnihom f’dawk interni ma konniex naqtgħu figura aħjar?Kieku irsistejna ma' nies, bit-telefon u b’mezzi oħra, biex joħorġu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali daqskemm insistejna fl-elezzjonijiet interni, ma kienx jirnexxielna minn 7000 Laburist li ma vvutawx nikkonvinċu 2000 minnhom jivvutaw?
Kieku l-kuntatt personali, għal darba tnejn tlieta mad-delegati, rajna li jsir bl-istess mod ma' l-elettorat xettiku qabel l-elezzjoni, ma kienx ikun aħjar? Jew forsi kien hemm min serraħ rasu b’rebħa ta’ 17,000? Kemm aħna kapaċi intelqu bejnietna!! Ma jirbħilna ħadd!!
No comments:
Post a Comment