Il-Ġimgħa, 15 ta’ Awwissu 2008

Elezzjoni kull xahar

Ħafna jilmentaw li għandna wisq elezzjonijiet f’din in-naqra ta’ gżira. Għandna medja ta’ aktar minn elezzjoni fis-sena. Kull sena għandna elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, elezzjoni kull ħames snin għall-Parlament Ewropew, u elezzjoni oħra kull ħames snin għall-Parlament Malti.

Minn statistika uffiċjali li ġiet pubblikata riċentament jidher ċar li mhux talli m’għandniex għalfejn nilmentaw li għandna medja ta’ aktar minn elezzjoni kull sena, talli wieħed jagħmel tajjeb jekk nibdew nikkunsidraw biex inżiduhom. Sa anki nisseġġerixxi elezzjoni Ġenerali kull xahar. Għaliex?

Statistika uffiċjali uriet li matul ix-xahar ta’ l-elezzjoni Ġenerali din is-sena il-qgħad naqas bi 865. Dan meta mqabbel ma l-istess xahar ta’ sena qabel. B’hekk issa in-nies qgħeda jammontaw għal 6138. Li jfisser, b’matematika sempliċi, li kieku jkollna elezzjoni kull xahar, bir-rata ta’ impjiegi li taf iġġib magħha l-elezzjoni Ġenerali, il-figura ta’ nies qgħeda jirnexxielna nisparixxuha għal kollox f’seba’ xhur.

Mhux li kien jaħasra tibda tissejjaħ elezzjoni Ġenerali kull xahar. Tagħmel tant mirakli elezzjoni Ġenerali jaħasra, x’iżomm lill-Gvern milli jieħu dan is-suġġeriment? Tad-daħk, mhux għax kieku tal-biki.

No comments: