Il-Ġimgħa, 1 ta’ Awwissu 2008

Dikjarazzjoni

Inħoss f'dan il-mument li d-delegati tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista jimmeritahom spjegazzjoni ċara għad-deċiżjoni tiegħi li nirtira mit-tellieqa għal Segretarju Ġenerali.

Nagħmilha ċara li mhix fin-natural tiegħi, li wara kampanja bħal dik fejn kont qed inwassal messaġġ ċar ħafna, liema messaġġ deher li kien qed jintlaqa' tajjeb, naqbad u nirtira. Mhix fin-natural tiegħi lanqas kieku il-messaġġ ma kienx qed jintlaqa', aħseb u ara.

Nagħmilha ċara wkoll li ma kienitx deċiżjoni faċli...u jista jkun li hemm ħafna fostkom li ma jaqblux. Madankollu inserraħ ras kulħadd li d-deċiżjoni kienet ibbażata BISS fuq kunsiderazzjoni waħda....l-interess tal-Partit qabel l-interess ta' kull aspirazzjoni personali li jista’ għandi.

Nagħmilha ċara wkoll li l-irtirar tiegħi ma kien kundizzjonat minn xejn u minn ħadd.

Tul il-kampanja, kull fejn mort u ma’ kull min iltqajt, inbuttajt 'il quddiem il-ħtieġa li t-tiġdid li inbeda fil-Partit jitkompla. Fehimt lil kulħadd li l-Partit Laburista jinħtieġlu jirrispondi b'mod assertiv għal din il-ħtieġa tal-bidla. Għidt ċar li jekk irridu li nsiru mill-ġdid Partit Rebbieħ hemm bżonn li nerġgħu insiru dixxiplinati, organizzati u effettivi.

Ma tantx kelli għalfejn nitħabat wisq biex inwassal dan il-messaġġ. Kull fejn mort u ma kull min iltqajt sibt li l-maġġoranza assoluta tad-delegati...u aktar minn hekk il-maġġoranza assoluta tal-membri u l-partitarji....jixtiequ li l-proċess ta' tiġdid u bidla fil-Partit ma jixxekkilx. Pero kienu inkwetati li fid-dawl ta' kif inhi l-votazzjoni il-fatt li kkontestajna ħafna kien se jkun kontro-produċenti. Ħriġna ħafna biex nippromwovu l-bidla u dan kien qed jipperikola l-istess bidla.

Jiena nemmen li r-rieda tal-maġġoranza assoluta tad-delegati aħna l-kontestanti kellna nieħduha in konsiderazzjoni. Tħabadt kemm flaħt ma sħabi biex nillimitaw in-numru għax inkella r-rieda tad-delegati li jaraw il-bidla ma kenitx se sseħħ, u dan għaliex l-appoġġ ta' dawk favur il-bidla kien se jinqasam fuq ħafna.

Kien għalhekk, emmnuni, u għalhekk biss, li b'sens ta' rispett lejn id-delegati, u biex ir-rieda tagħhom ma tiġix imxekkla, bl-ikbar sens ta' lealta' lejn l-interessi tal-partit li għalija jiġi QABEL kull interess politiku personali, ħassejt li kelli inkun jien...u miegħi sieħbi Gino Cauchi...li nirtira n-nominazzjoni, biex dak li ltqajt miegħu fil-laqgħat ma narahx isir suf.

Naturalment, diżappuntat ħafna fuq livell personali egoistiku li kelli nkun jien li ħadt dan il-pass...u sieħbi Gino. Diżappuntat ukoll li iddiżappuntajt lil ħafna li emmnu fija. Nitlobhom skuża imma xi ħadd ried ikun. U nispera li ma inqast lil ħadd. Nassigurakom, ħarist BISS lejn l-interessi tal-Partit.

Inwiegħed li xorta waħda, fil-limitazzjonijiet tiegħi, nagħmel kull ma nista’ biex Elezzjoni oħra naraw mill-ġdid lill-Partit rebbieħ.

Grazzi lil kulħadd ta' l-esperjenza sabiħa li għaddejtuni minna tul din il-kampanja. Grazzi talli lqajtuni. Grazzi talli għallimtuni. Grazzi fuq kollox tax-xogħol kollu li tagħmlu fil-Partit.

Saħħiet

Joe Chetcuti

No comments: